Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, ‘qiegħed jittama’ li jintlaħaq ftehim mal-Mexxejja tal-Ewropa sax-xahar id-dieħel u li l-ftehim jippermetti biex hu jorganizza r-referendum li għandu jiddeċiedi jekk ir-Renju Unit ikomplix bħala membru tal-Unjoni Ewropea.
Cameron spjega li l-vot partikolari ‘se jkun il-proċess li jmiss’ f’każ li jintlaħaq qbil dwar ir-riformi li hu qed jipproponi għall-UE, waqt is-summit għall-Istati tal-Unjoni li hu programmat għal Frar.
Fl-istess ħin, Cameron sostna li għandu jkompli xorta waħda bħala Prim Ministru tar-Renju Unit anki jekk jispiċċa ‘fuq in-naħa telliefa’, waqt is-summit.
Meta tkellem waqt intervista mix-xandar, Andrew Marr, David Cameron qal li ma jaħsibx li t-tluq potenzjali tar-Renju Unit mill-UE ‘hi t-tweġiba xierqa’. Madankollu, hu wiegħed li ‘jsir minn kollox neċessarju’ biex tkun attwata l-kelma tal-poplu, f’każ li l-elettorat Britanniku jivvota li r-Renju Unit m’għandux jifforma aktar parti mill-UE.
Ir-referendum storiku mistenni jsir qabel l-aħħar tal-2017. Meta mistoqsi jekk il-vot jistax iseħħ matul is-sajf li ġej, Cameron qal li ‘jixtieq li jintlaħaq ftehim (mal-UE) fi Frar u li dan, imbagħad, ikun segwit bir-referendum’. Hu kompla li l-vot inkwistjoni għandu jsir ‘aktar ‘il quddiem’ f’każ li ma jintlaħaqx ftehim mal-Istati Ewropej rigward ir-riformi mressqa.
//= $special ?>