Numru ta’ mużiċisti magħrufa tar-Rock ingħaqdu mal-qraba ta’ Lemmy, il-kantant tal-grupp Motorhead, waqt il-funeral tiegħu li sar fil-belt Ameriikana ta’ Los Angeles.
Lemmy, li twieled fi Stoke on Trent, fl-Ingilterra, u li jismu proprju Ian Fraser Kilmister, miet fl-età ta’ 70 sena, fit-28 ta’ Diċembru li għadda. Mewtu tħabbret jumejn biss wara li hu skopra li kien marid b’forma ta’ kanċer mill-aktar aggressiva.
Id-drummer ta’ Motorhead Mikkey Dee, flimkien ma’ Dave Grohl, il-kantant tal-grupp Foo Fighters u Slash, tal-grupp Guns N’ Roses, kollha tkellmu u raddew ġieh lill-memorja ta’ Lemmy waqt is-servizz organizzat fil-Forest Lawn Memorial Cemetery. Aktar qabel, Todd Singerman, il-manager ta’ Motorhead, laqa’ lin-nies preżenti u ħeġġiġhom biex jiċċelebraw ‘il-ħajja ta’ Lemmy li, tul ħajtu, issimbolizza l-ispirtu ħaj tal-mużika Rock.
Id-dilettanti tal-mużika ta’ Motorhead kienu mitluba biex ma jattendux għas-servizz, iżda għal din l-okkażjoni kien deċiż li jittella live stream speċjali fuq YouTube. Fl-istess ħin, waqt li kien għaddej is-servizz, mijiet ta’ dilettanti pakkjaw ir-Rainbow Bar and Grill ta’ Hollywood li kien l-istabbiliment tax-xorb favorit ta’ Lemmy u li jinsab fiz-zona ta’ Sunset Strip.
//= $special ?>