Lokali

Il-poplu Malti qed jinsteraq kuljum fil-prezzijiet tal-fuel – Simon Busuttil

“Għall-korruzzjoni qed tħallas int. Il-Poplu Malti qed jinsteraq kuljum fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tenna dan waqt intervista li xxandret dalgħodu fuq Radio 101 li matulha il-Kap tal-PN tkellem dwar diversi temi u aħbarijiet li qed jiddominaw l-aġenda politika bħalissa.

Simon Busuttil qal li fl-aħħar jiem, il-prezz internazzjonali taż-żejt nieżel fl-inqas livelli għal dawn l-aħħar 11-il sena, iżda hawn Malta, il-Gvern naqqas il-prezz b’ċejċa meta f’pajjiżi oħrajn, il-prezz tal-petrol u d-diesel f’din l-aħħar sena niżel b’terz u f’xi pajjiżi saħansitra bi kwart.

Iżda hawn Malta, il-poplu qed iħallas għat-tberbiq tal-Gvern u bil-falsita’ kollha, jippretendi li l-poplu jgħidlu grazzi talli qed jagħtih ċejċa.

Mistoqsi dwar il-korruzzjoni, Simon Busuttil staqsa jekk Owen Bonnici hux denju li jkun Ministru tal-Gustizzja meta ħarab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar kif jista’ l-pubbliku jkollu fiduċja f’Ray Zammit, l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija, li kien involut fl-agħar skandli li kien hemm sa issa f’dan il-Gvern – l-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, u r-rabtiet fin-negozju bejn il-familja tiegħu u l-familja Gaffarena.

Hu staqsa x’poter għandu Ray Zammit fuq il-Prim Ministru hekk kif inqabad jgħaffeġ waħda wara l-oħra u minkejja dan, l-affarijiet jibqgħu għaddejjin qisu xejn m’hu xejn. Simon Busuttil qal li Ray Zammit m’għandux l-awtorita’ morali li jmexxi aġenzija dwar l-infurzar tal-liġi meta hu, konsistentement kiser u injora l-liġi u r-“rule of law”.

Dwar Ian Borg, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tistenna li Ian Borg jerfa’ r-responsabbilta’ politika tal-kundanna kbira mill-Ombudsman u mill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. L-Oppożizzjoni qed tistenna li Ian Borg mhux biss iwarrab minn Segretarju Parlamentari iżda li jirriżenja mill-Parlament.

B’kuntrast mal-aġir tal-Gvern, kompla l-Kap tal-PN, l-Oppożizzjoni qed iġġib ruħha b’maturita’ politika kbira. Hu qal li fil-ħatra taċ-Chairperson il-ġdida tal-Awtorita’ tax-Xandir, Simon Busuttil seta’ aġixxa bħalma aġixxa Joseph Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni li oppona bil-qawwa il-ħatra taċ-Chairman Anthony Tabone, biex imbagħad Muscat ikkonfermah fil-kariga meta sar Prim Ministru.

Eżempju ieħor tal-maturita’ politika hu dwar il-ħatra tal-President tar-Repubblika fejn l-Oppożizzjoni preżenti kienet l-ewwel waħda li vvutat favur President li kienet attiva mill-kamp politiku oppost. Kif ukoll il-liġi dwar stil ta’ ħajja sana li mistennija tgħaddi mill-Parlament fil-jiem li ġejjin. Din se tkun l-ewwel liġi mfassla b’mod sħiħ mill-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar it-tieni konvenzjoni li se jorganizza l-PN il-ġimgħa d-dieħla, li se tkun dwar l-ambjent. Simon Busuttil qal li l-PN diġa wera li l-ambjent hu l-iżvilupp sostenibbli huma prioritajiet ewlenin u sostna li jekk hemm bżonn li jagħmlu lejl ieħor fil-Parlament għall-ambjent, hekk jerġa jsir. Il-Konvenzjoni għandha l-għan li sservi bħala konsultazzjoni pubblika mill-iktar wiesa’ u li fuqha, eventwalment titfassal il-politika ambjentali tal-PN.