L-Istudenti Demokristjani Maltin, l-SDM nidew kampanja dwar il-bullying u l-abbużi fl-iskejjel.
Dettalji dwar din il-kampanja bit-tema Draw the Line ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-parlament mill-SDM stess. Konferenza li kienet indirizzata mill-President tal-SDM Ian Zahra.
Filwaqt li ħabbar li fi tliet snin l-SDM ġabar 20,000 Ewro għall-karità, Ian Zahra tkellem dwar l-impenn soċjali tal-SDM u qal li minbarra l-politika l-SDM jagħti kontribut kontinwu fis-soċjeta. Għall-SDM il-bullying hi problema soċjali.
Dwar il-kampanja kontra l-bullying Ian Zahra spjega li din se tkun mifruxa fuq tliet xhur bejn Jannar u Marzu u fiha l-istudenti se jippreżentaw policy dwar l-ideat tagħhom kontra l-bullying, se jiddiskutu l-politika tal-Gvern u jniedu stħarriġ online għal studenti minn 15-il sena ‘l fuq.
Dan minbarra laqgħat mal-partiti politiċi u entitajiet oħra. L-SDM se jorganizzaw ukoll kampanja fuq is-social media u diversi dibattiti.
Il-President tal-SDM jappella lill-istudenti li qed ikunu abbużati iżda qed jibqgħu siekta biex jitkellmu.
L-SDM issostni li l-problema tal-bullying u abbużi fuq studenti fl-iskejjel f’Malta hi fl-istess livelli ta’ dik fl-Ingilterra fejn minn stħarriġ kien stabbilit li hemm 43 fil-mija tal-istudenti li jiffaċċjaw din il-problema.
Segwi l-filmat fuq din il-link.
//= $special ?>


