Il-Kap tal-Lega Għarbija, Nabil al-Arabi, akkuża lill-Iran dwar ‘atti provokattivi’ waqt li d-diplomati Għarab ewlenin iltaqgħu, fl-Eġittu, biex jiddiskutu t-tilwima diplomatika li ilha tbaqbaq għal jiem bejn is-Sawdi u l-Gvern ta’ Tehran.
Waqt it-taħditiet ta’ emerġenza organizzati fil-kwartieri-ġenerali tal-Lega, fil-Kajr, Arabi indirizza lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati membri filwaqt li ħeġġeġ biex id-diplomati preżenti ‘jaddottaw pożizzjoni ċara u konkreta minfejn jinsistu biex l-Iran iżomm lura minn kull forma ta’ indħil fl-affarijiet tal-pajjiżi Għarab’.
It-taħditiet saru fuq talba tal-Arabja Sawdija wara l-kriżi li segwiet l-esekuzzjoni, jiem ilu, tar-reliġjuż prominenti tax-Xiti, Nimr al-Nimr, mill-awtoritajiet Sawdi.
Il-qtil ta’ Nimr wassal għal sensiela ta’ dimostrazzjonijiet anti-Sawdi f’numru ta’ pajjiżi ddominati minn Musulmani Xiti – fosthom l-Iran, fejn folol ta’ dimostranti attakkaw u taw in-nar lill-Ambaxxata tal-Arabja Sawdija, f’Tehran.
Dritt wara l-attakk, l-Arabja Sawdija qatgħet ir-rabtiet diplomatiċi mal-Iran waqt li ħadu l-istess pass pajjiżi oħrajn Sunniti Għarab (alleati ta’ Riyadh), bħall-Bahrain u s-Sudan. Pajjiżi Għarab oħra, imbagħad, iddeċidew li jnaqqsu r-relazzjonijiet mal-Iran jew jirtiraw lill-ambaxxaturi rispettivi minn Tehran.
Il-kwistjoni fil-Lvant Nofsani bejn il-potenzi rivali tax-Xiti u s-Sunniti qed tiġġenera inkwiet dwar nuqqas kontinwu ta’ stabbiltà madwar ir-reġjun.
Għaldaqstant, iċ-ċirkostanzi għandhom iħallu wkoll impatt għall-inizjattivi ta’ paċi rispettivi fir-rigward tas-Sirja u l-Jemen. Dan meta s-Sawdi u l-Iranjani qegħdin jappoġġjaw lill-gruppi avversarji ta’ xulxin fiż-żewġ konflitti partikolari.
//= $special ?>