Malta se jkollha l-ewwel snowboarder ta’ livell Olimpiku.
Jisimha Jenice Spiteri, għandha 23 sena u twieldet f’Kalifornja bint ġenituri Maltin. Issa qed tgħix f’Kolorado biex tkun tista’ titħarreġ aħjar f’dan l-isport.
Meta kienet għadha tifla kienet tidher f’reklami fuq it-televiżjoni, imbagħad iktar tard bdiet timmudella u bdiet karriera fl-irreċtar. Għal diversi snin ħasbet li s-sejħa tagħha kienet f’Los Angeles fejn ħafna nies b’talent jippruvaw jidħlu fid-dinja tal-istilel tal-films u t-televiżjoni, sakemm skopriet l-isport tas-snowboarding. Għal diversi snin tħarrġet ukoll fil-figure skating.
Issa, Jenice Spiteri hi r-rappreżentanta Maltija għal dan l-isport Olimpiku wara stedina mill-Kumitat Olimpiku Malti biex tirrappreżenta lil pajjiżna għall-kwalifikazzjoni fl-edizzjoni tal-2018. S’issa hi l-ewwel u l-uniku sportiv f’isem Malta għal dan l-isport. Hi tiddedika għaxar xhur fis-sena għal taħriġ kontinwu.
Fil-qrib se tmur f’Mammoth għall-ewwel kompetizzjoni tal-istaġun għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-half pipe. Wara, ikollha kompetizzjoni oħra f’Park City u t-tielet kompetizzjoni fil-Ġappun.
Dawn huma t-tliet tarġiet l-iktar importanti għall-kwalifikazzjoni Olimpika – jekk ma tidħolx mal-ewwel 30, il-ħolma tal-Olimpijadi tisfuma fix-xejn. It-tir ta’ Spiteri hu li tikkwalifika mal-aħjar 10 tad-dinja.
Spiteri tirraġuna li s-snowboarding issa hu ħajjitha u se tibqa’ tiddedika lilha nnifisha kompletament għal dan l-isport sakemm irkupptejha u ġisimha jibqa’ jagħtiha l-possibiltà. Tirraġuna wkoll li l-irreċtar hemm se jibqa’ u li aktarx tmur lura għal din l-ewwel imħabba tagħha meta toqrob l-40 sena. Sadattant, trid tikkompeti u ddur id-dinja biex meta ssir nanna jkollha ħafna stejjer x’tirrakkonta lin-neputijiet.
//= $special ?>