Internazzjonali

Pariġi tfakkar lill-vittmi tat-terrur

Il-President Franċiż Francois Hollande u numru ta’ distinti, illum, attendew ċerimonja fiċ-ċentru ta’ Pariġi li fakkret lill-vittmi tal-attakki terroristiċi ta’ sena ilu fil-kapitali.

F’Jannar tal-2015, militanti Iżlamiċi qatlu 12 il-persuna waqt azzjoni speċifika fuq il-kwartier tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo. Intant, militanti ieħor, f’Pariġi, kien qatel erba’ ostaġġi f’attakk separat fuq supermarket li jbiegħ l-ikel għal-Lhud fl-inħawi. Pulizija spiċċa maqtul kiesaħ u biered waqt l-attakk fuq il-ġurnal Charlie Hebdo, bl-aggressuri responsabbli mill-azzjonijiet ‘ta’ Jannar’ jisfaw eliminati mill-qawwiet tas-sigurtà Franċiża.

Il-President Hollande, sigħat ilu, qiegħed girlanda fil-Place de la Republique ta’ Pariġi fejn kienet inawgurata wkoll siġra kommemorattiva. Inżammet minuta ta’ silenzju li kienet rispettata minn kulħadd, fosthom il-qraba ta’ wħud mill-vittmi tat-terrur.

L-avveniment ġab fi tmiem ġimgħa ta’ ċerimonji li fakkru l-attakki ta’ sena ilu, bil-kantant Franċiż, Johnny Hallyday, jimmarka l-anniversarju iswed b’kanzunetta li hu intepreta flimkien mal-kor tal-Armata Franċiża.

Franza għadha fi stat ta’ emerġenza wara l-attakki ta’ Novembru fejn terroristi affiljati mal-ISIS massakraw 130 persuna u ħallew għexieren ta’ feruti f’sensiela ta’ azzjonijiet kkoordinati. Il-plakka li għadha kemm inkixfet fil-Place de la Republique, trodd ġieh ukoll lil dawk il-vittmi minbarra n-nies innoċenti li nqatlu fl-attakki ta’ sena ilu fil-kapitali Franċiża.