Wara li l-awtoritajiet fil-Messiku qabdu mill-ġdid lill-baruni tad-droga Joaquin Guzman, magħruf bħala ‘El Chapo’, ħarġet l-aħbar li l-attur Amerikan Sean Penn irnexxielu jintervista lill-istess ‘El Chapo’ ftit wara li l-kap kriminal kien ħarab mill-ħabs ta’ Altiplano, f’Lulju li għadda.
‘El Chapo’ reġa’ nqabad nhar il-Ġimgħa u diversi uffiċjali Messikani issa qed jgħidu li l-laqgħa sigrieta bejn il-baruni tad-droga u Penn għenet ħafna l-kaċċa għal dan il-kriminali li ttieħed lura fil-kumpless ta’ sigurtà massima. L-intervista, li saret f’Ottubru qalb il-ġungla tal-Messiku, tidher fl-aħħar edizzjoni tal-ġurnal Rolling Stone.
Aktar qabel, l-Avukat Ġenerali tal-Messiku, Arely Gomez, qalet li aspett importanti li għen biex l-awtoritajiet jaqbdu lil Guzman kienet l-iskoperta li hu kellu ħsieb ewlieni biex jinħadem film biografiku’.
Fil-fatt, El Chapo’ kien ikkuntattja diversi atturi u produtturi bl-iskop li jirrealizza l-proġett u fl-intervista ma’ Penn, li damet għal seba’ sigħat, hu iddiskuta ħafna suġġetti, fosthom it-traffikar tad-droga. Mifhum li l-laqgħa bejn El Chapo u l-attur saret f’parti remota tal-Istat ta’ Durango wara li organizzatha l-attriċi Messikana Kate del Castillo.
//= $special ?>