Lokali

It-tħabbir tal-ftehim hu imminenti… l-Air Malta jkollha tibdel il-prattiki ta’ kif taħdem

It-tħabbir tal-ftehim hu imminenti… l-Air Malta jkollha tibdel il-prattiki ta’ kif taħdem

Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u t-Tmexxija tal-kumpanija Etihad Airways li se jwassal biex il-kumpanija mill-Emirati Għarab Magħquda tinvesti fl-Air Malta.

Sa issa l-ħaddiema tal-Air Malta nżammew f’għama totali dwar dan il-ftehim u x’passi ‘l quddiem saru dwaru. Madankollu minn sorsi li għandha il-mument jidher li kollox juri li dan il-ftehim mistenni jkun konkluż fi żmien qasir ħafna biex hekk il-Gvern Malti jħabbar din ir-rabta ma’ Etihad Airways.

Il-ħaddiema Maltin fl-Air Malta huma nkwetati ħafna dwar il-futur tagħhom.
Ħaddiema tal-Air Malta li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument fissru li l-inċertezza fost il-ħaddiema tinħass anki mill-fatt li l-ħaddiema part-time clerks u l-ħaddiema part-time loaders u li l-kuntratt tagħhom jiskadi fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, għadhom ma kenux avviċinati biex jgħidulhom x’se jiġri minnhom.

Il-ħaddiema tal-Air Malta li tkellmu ma’ din il-gazzetta fissru li l-aktar li qed jinkwetahom hu li ma jafux fejn qegħdin fil-pjani tal-Gvern dwar il-ġejjieni tal-Air Malta. Dan minkejja li l-Gvern iddikjara x-xewqa li jsib sieħeb strateġiku li jidħol jew għall-kumpanija kollha kemm hi jew inkella għal parti sostanzjali minnha.

Minn ħaddiema part-time għal kuntratt indefenit
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ il-mument fissru bħala kapriċċuża ħafna d-deċiżjoni tal-Bord li f’Settembru li għadda qaleb numru ta’ ħaddiema part-time b’kuntratt definit għal wieħed indefinit u fl-istess waqt iddiskrimina bl-aktar mod sfaċċat fost il-ħaddiema.

L-Etihad Airways ma jidhirx li hija interessata fil-Ground Service
Fl-isfond ta’ dan kollu issa l-ħaddiema tal-Air Malta huma fuq ix-xwiek jistennew lill-Gvern iħabbar formalment il-ftehim ma’ Etihad Airways li fost l-oħrajn nifhmu li hiinteressata li tixtri s-servizzi tar-rotot tal-kumpanija fil-Mediterran u fl-Ewropa iżda jidher li ma hix lesta li tidħol għax-xiri tal-Ground Service.


L-Etihad Airways jista’ jkollha sa massimu ta’ 49.9 fil-mija tal-ishma fl-Air Malta

L-istess sorsi żiedu jfissru li hu punt importanti ħafna li wieħed irid jagħtu kasu li skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, il-kumpanija Etihad Airways tista’ takkwista sa massimu ta’ 49.9 fil-mija tal-ishma fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta u dan kemm-il darba l-Gvern Malti għandu f’moħħu li l-Air Malta tissokta ttir b’liċenzja mill-Unjoni Ewropea.