Internazzjonali

Titjira b’ajruplan B-52 twassal ‘messaġġ’ lill-Korea ta’ Fuq

L-Istati Uniti bagħtet ajruplan tal-gwerra tat-tip B-52 fuq il-Korea t’Isfel b’turija ta’ saħħa u biex twassal messaġġ speċifiku lir-reġim tal-Korea ta’ Fuq komunista. Dan wara li Pyongyang kien ħabbar, jiem ilu, li rnexxielu l-aħħar prova għal bomba tal-idroġenu.

Il-B-52 (bomber) għadda minn fuq il-bażi tal-ajru ta’ Osan, tal-Korea t’Isfel, li hi qrib il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq; b’kelliema għall-Istati Uniti jsostnu li t-titjira kienet reazzjoni għall-aħħar aġir provokattiv mir-reġim komunista ta’ Pyongyang.

Il-Korea ta’ Fuq spiċċat ikkundannata bl-aħrax mill-komunità internazzjonali wara li, jiem ilu, qalet li splodiet materjal taħt l-art bħala parti mill-allegata prova għall-bomba tal-idroġenu. Madankollu, l-esperti xorta huma xettiċi dwar dak li qed jgħid Pyongyang u wara li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, fisser il-prova bħala azzjoni ppjanata biex issaħħaħ id-difiża ta’ pajjiżu.

Kim Jong-un, fl-istess ħin, saħaq li din l-azzjoni kienet id-dritt leġittimu ta’ Stat sovran ‘li ħadd ma jista’ jikkritikah’. Iżda l-Korea t’Isfel, li hi alleata tal-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, reġgħet bdiet ixxandar il-propaganda minn sistema ta’ speakers li ttellgħet madwar il-fruntiera mal-ġar komunista. Dan meta r-reġim ta’ Pyongyang qed jirribatti għal din il-propaganda permezz ta’ sensiela ta’ xandiriet kuntrarji.