Il-grupp ISIS assuma responsabbiltà għal attakk fuq ċentru kummerċjali f’distrett ta’ Bagdad, il-kapitali tal-Iraq, fejn inqatlu almenu 18 il-persuna, fosthom xi pulizija.
Kelliema għall-ISIS qalu li ‘kienu qed jimmiraw għax-Xiti’, b’numru ta’ terroristi jassedjaw il-kumpless ta’ al-Jawhara, fid-distrett ta’ Al-Jadida, wara li tajjru vettura-bomba mad-daħla.
Mietu talanqas seba f’dik l-isplużjoni, b’ħamsa oħra jinqatlu meta l-militanti daħlu u avvanzaw mill-kumpless. Tnejn mit-terroristi, imbagħad, tajjru ċinturini bl-isplussivi biex qatlu sitta oħra fl-inħawi.
Filwaqt li rapporti preċedenti kkalkulaw li bejn 50 u 75 persuna ‘kienu nqabdu fil-kumpless’, kelliema għall-Ministeru tal-Intern Iraqi aktar tard ċaħdu l-istqarrijiet li qalu li t-terroristi kienu qed iżommu numru ta’ ostaġġi. Intant, id-dettalji baqgħu inċerti, b’sezzjonijiet tal-istampa jirreferu għall-‘qtil ta’ ostaġġi’ mit-terroristi fil-kumpless.
Il-Ministeru għall-Intern Iraqi issa tenna li l-kriżi f’Al-Jadid tinsab taħt kontroll, wara li l-qawwiet tas-sigurtà daħlu fil-bini u qatlu almenu tnejn mit-terroristi – b’żewġ terroristi oħra jmutu fl-isplużjonijiet taċ-ċinturini-bomba. Sorsi oħra qrib il-Ministeru, intant, ma jeskludux li ‘aggressuri oħrajn’ setgħu ħarbu mill-inħawi.
Il-maġġoranza tar-residenti f’Al-Jadida huma Musulmani Xiti waqt li hemm kull possibbiltà li ċ-ċifra tal-vittmi fl-inħawi tiżdied f’dawn is-sigħat.
Mietu wkoll 20 persuna f’żewġ splużjonijiet ta’ bombi li seħħew f’dawn l-aħħar sigħat fil-belt Iraqqija ta’ Muqdadiya, u Nahrawan, li hu distrett ieħor ta’ Bagdad.
//= $special ?>