Lokali

Filmat: Carmelo Abela jgħid li lest jerfa’ r-responsabbiltajiet kollha tiegħu

Quddiem is-sitwazzjoni ta’ tlett imwiet ta’ persuni li kienu taħt il-kustodja tal-Pulizija, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela dalgħodu ddikjara li lest jerfa’ r-responsabbiltajiet kollha tiegħu.

Meta kien qed jikkummenta mal-ġurnalisti, il-Ministru tal-Intern ċaħad li t-tliet persuni mietu meta kienu fil-kustodja tal-Pulizija. Fil-fatt, iċċara li wieħed minnhom miet fit-Taqsima Forsensika fl-Isptar Monte Carmeli, filwaqt li t-tnejn l-oħra mietu taħt il-kustodja tal-Pulizija. Il-Ministru Abela ma kienx ċar jekk hux se jagħti r-riżenja tiegħu, iżda qal biss lill-ġurnalisti biex jistennew id-dettalji aktar tard illum.

Carmelo Abela qal li mhux biss se jagħti dettalji dwar il-każi, iżda se jkun qed jelenka t-triq ‘il quddiem f’dan l-każ. Hu kkummenta wkoll dwar l-Inkjesta Maġistrjali u dik Interna tal-Pulizija, filwaqt li sostna li l-Gvern ma sabx sitwazzjoni pożittiva f’dan is-settur. Abela qal li bħalissa l-Pulizija qed jinvestigaw il-każi li seħħew biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.