Residenti fl-inħawi tal-belt Libjana ta’ Sirte qalu li konvoj tal-ISIS fiz-zona spiċċa attakkat minn ajruplani tal-gwerra mhux-identifikati.
Dan ir-rakkont partikolari ma setax ikun ivverifikat. Dan waqt li l-qawwa tal-ajru alleata ma’ wieħed miż-żewġ Gvernijiet (rivali) tal-Libja – u li hi bbażata fl-inħawi tal-Lvant – sostniet li l-ajruplani tagħha ma kienu wettqu l-ebda attakki.
Il-belt ta’ Sirte, qrib il-kosta, ilha x-xhur ikkontrollata mill-ġellieda tal-ISIS. Fil-fatt, l-ISIS qed juża din il-belt bħala bażi minfejn qed jipprova jżid il-preżenza tiegħu fil-Libja.
Sadanittant, kelliema għall-Gwardjani li jħarsu l-Faċilitajiet taż-Żejt fil-Libja qalu li tliet dgħajjes ippruvaw jattakkaw il-port ta’ Zueitina, fejn jaħżnu u jmexxu ż-żejt.
Il-gwardjani fiz-zona irnexxielhom jiddefendu kontra l-attakk qabel id-dgħajjes laħqu l-port, fost rapporti li dgħajsa minnhom ħadet in-nar wara li ntlaqtet mill-isparar. Il-kelliema għall-Gwardjani, intant, qed jissuspettaw fl-ISIS bħala ‘l-ixprun wara l-attakk’ fuq il-port ta’ Zueitina.
Jiem ilu, l-ISIS spiċċa jattakka t-terminals taż-żejt ewlenin ta’ Es Sider u Ras Lanuf, li jinsabu qalb territorju bejn Zueitina u Sirte. Fil-battalji, li damu għal diversi jiem, inqatlu 18-il gwardjan u ndarbu ’l fuq minn 50 — skont l-aħħar ċifri aġġornati. Fil-vjolenza ħadu n-nar numru ta’ tankijiet li jaħżnu ż-żejt, bin-nirien, maż-żmien, ikunu kkontrollati.
//= $special ?>