Il-Parlament approva liġi mressqa mill-Oppożizzjoni – Gvern alternattiv li qed jgħolli l-kwalità tal-ħajja tan-nies

Il-Parlament approva liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx

Il-Parlament illejla approva mill-istadji kollha l-liġi li ressqet l-Oppożizzjoni dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx. Dan hu eżempju ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista hu gvern alternattiv li qed jgħolli l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

It-Tielet Qari ta’ dan l-Abbozz ta’ liġi tressaq fil-Parlament illejla mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, u kien sekondat mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearn.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, irringrazzja lill-Kamra tal-koperazzjoni li ntweriet u s-sens ta’ maturità politika miż-żewġ naħat tal-Kamra biex għadda l-Abbozz ta’ Liġi, li issa sar realtà.
Esprima apprezzament għax-xogħol li wettaq id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap Simon Busuttil huwa Gvern alternattiv li anke mill-Oppożizzjoni qed jagħmel differenza fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx, hi l-ewwel waħda għas-sena 2016 u hi eżempju ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista kapaċi jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Din il-liġi tressqet mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, f’isem l-Oppożizzjoni f’Ġunju 2014.

Il-ħsieb wara din il-liġi hu li jkun hemm a whole society approach, jiġifieri minn qabel it-twelid tal-persuna sal-perjodu tal-anzjanità. Il-liġi tagħmel enfażi fuq l-eżerċizzju fiżiku fil-livelli kollha tal-qasam edukattiv ta’ pajjiżna, miżuri anke mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll azzjonijiet immirati għal ikel xieraq u eżerċizzju fid-djar tal-anzjani u ċentri ta’ matul il-jum.
Wieħed mill-punti ta’ din il-liġi jittratta l-istil ta’ ħajja sana fl-iskejjel, inkluż l-ikel li jiġi kkunsmat kif ukoll l-eżerċizzju.

Il-liġi proposta mill-Oppożizzjoni tkopri mhux biss l-obeżità, iżda anke kundizzjonijiet oħra ta’ mard li ma jitteħidx, bħal per eżempju d-dijabete. Dwar din il-kundizzjoni, l-Oppożizzjoni kienet diġà proattiva bl-inizjattiva tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma fil-Parlament Malti dwar id-Dijabete li fih jipparteċipaw għaxar Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Din il-liġi hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li qatt tressqet minn Oppożizzjoni, li ġabet ukoll reazzjoni pożittiva mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Il-liġi se tkun imsaħħa wkoll b’ħames Avviżi Legali li tfasslu wkoll mill-Oppożizzjoni, bi qbil mal-Gvern, u li se jkunu fuq l-aġenda fl-ewwel laqgħa li se jkollu l-Kumitat Konsultattiv iffurmat minn Ministeri varji li huma relatati ma’ din il-liġi.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, f’isem l-Oppożizzjoni, se jattendi l-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kumitat Konsultattiv. Din il-liġi ġiet imfassla wara numru ta’ laqgħat li għamlet l-Oppożizzjoni, fost l-oħrajn mal-WHO, kif ukoll żewġ Konferenzi Nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista fisser li dan hu eżempju konkret ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista qed joffri Oppożizzjoni pożittiva u proattiva, kif ukoll Gvern alternattiv. B’din il-liġi l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.