Il-proposti għal governanza tajba li ressaq ‘il quddiem il-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu huma xhieda ta’ politika msejsa fuq xejriet ta’ onestà li jirrealizzaw minn diskussjoni wiesa’ ta’ politika li taderixxi għal waħda konsultattiva u għaldaqstant, effettivament hija politika rikonoxxuta.
Il-Partit Nazzjonalista matul din il-leġiżlatura (minkejja li għadna kemm qbiżna n-nofs) irrealizza li l-ħtieġa għal dak li hu bażiku fil-politika tad-demokrazija, huwa kollu bbażat fuq id-diskussjoni. Għalhekk, il-proposti tal-Oppożizzjoni, jidħlu sewwa f’dan il-qafas politiku differenti li qiegħed joħloq il-Partit immexxi minn Simon Busuttil, Kap li ta kelmtu li jġib fi ħdan il-Partit stil ġdid ta’ politika li ssegwi standards Ewropej fil-vera sens tal-kelma.
Matul l-aħħar tas-snin 70 u l-bidu tas-snin 80, il-Partit Nazzjonalista għaraf jamministra l-aktar politika li kellha teħodha kontra dik tal-MLP. Kien hemm min ma emminx fil-kredenzjali tal-Kap ta’ dik il-ħabta, Eddie Fenech Adami minħabba li fih ma rax l-ekwivalent tal-Mexxej Laburista Duminku Mintoff. Madankollu, minkejja li dawn kienu żmenijiet imtebbgħa bil-konfrontaliżmu, il-Partit Nazzjonalista ried jiddjaloga, jitkellem, iwassal messaġġ, jilħaq lill-poplu bi stil li ma kienx f’waqtu imma li appuntu kien viżjunarju. Li ma kienx hekk, iż-żmien ma kienx jagħtina parir.
Għaddew ‘il fuq minn 30 sena u l-Partit Nazzjonalista, qiegħed iħeġġeġ il-fjamma Nazzjonalista b’dak li huwa sewwa, u l-kelma tas-sewwa biex is-sewwa jkollu l-ogħna sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżna. L-interess ewlieni tal-Partit Nazzjonalista li kulma jmur qiegħed dejjem jittrażmetti sinjali viżibbli tassew li huwa ppreparat biex ikun Gvern alternattiv, mhuwiex il-motiv tal-kliem fieragħ u politika materjalista li ssegwi, imma kliem li jippreżenta viżjoni ta’ attwalità meħtieġa għal pajjiż li jidher, sfortunatament, li qabad jaqta’ lura f’dik li hija tmexxija serja magħġuna ma’ sustanza sostanzjalment demokratika.
Allura, la darba l-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem li l-poplu huwa mxebba’ mill-kliem li ma jreġix; il-kliem li issa donnu ntuża żżejjed u sar ‘cliche’ b’timbru negattiv bħal ‘meritokrazija’, ‘trasparenza’ u ‘akkontabilità’, huwa mistenni li jkun il-forza tar-raġuni u jippreżenta ‘l quddiem opportunità ta’ politika li temmen f’soċjetà mibnija fuq id-djalogu.
Jekk tgħarbel id-dokument dwar il-Governanza tajba tal-Partit Nazzjonalista, tinnota fih xejriet kontemporanji tal-għajta tal-poplu: il-bżonn immedjat għas-serjetà biex tinqered għal kollox il-politika sustanzjata mill-koerċizzjoni, fejn dak li huwa lleġittimu huwa l-prassi.
Il-Partit Nazzjonalista iżda, ma wasalx għal dan id-dokument għal raġunijiet bla sisien, anzi, il-kuntrarju. Għax verament il-Partit Nazzjonalista jrid ikun strumentali fit-tinsiġ ta’ ġejjieni li jilħaq il-milja tal-politika Ewropea, ħtieġlu jiddjaloga u fforma opinjoni li llum qiegħda tintiseġ f’filosofija politika ta’ Partit li mill-ġdid qiegħed jimmatura f’Partit li jirrappreżenta lill-poplu.
Il-passi ‘l quddiem tal-Partit fl-isfera tad-djalogu jimmerita l-attenzjoni tal-elettorat hemm barra, u ma jistax ikun li le. L-ewwelnett, illum il-Partit għandu diversi fergħat u foras li fihom id-djalogu huwa ħaj; arterja ewlenija ta’ partit li qiegħed ibaqbaq b’ideat ġodda skont il-ħteġijiet tan-nies, imma aktar minn hekk, il-kumitati sezzjonali wkoll qed jieħdu l-ħajja politika li għaliha kienu mwaqqfa, u llum qed ikollna aktar minn qabel, taħditiet politiċi fejn tulhom, il-poplu jista’ jifhem il-politika tal-Partit, jiltaqa’ mal-politiku u jistaqsi l-mistoqsija.
Il-mertu għandu jieħdu wkoll il-Kap Simon Busuttil li tul is-sena li għaddiet kien impenjat f’għexieren ta’ mitings, xandiriet fuq it-televiżjoni u Ħdud konsekuttivi ta’ intervisti fuq ir-radju; kollha jroddu lura politika skrutinata li tindirizza verament l-aktar ‘issues’ persistenti, liema ‘issues’ bdew jitqajmu waqt l-ewwel konvenzjoni ġenerali fl-2014 u sejrin jerġgħu jkunu l-pedament tad-diskussjoni fil-konvenzjoni li jmiss fi ftit ġimgħat.
Dawn huma l-ingredjenti ta’ Partit li jissejjes fuq id-djalogu. Irridu nkunu maturi biżżejjed u nagħrfu li l-politika hija tas-soċjetà u mhux tal-politiċi, u għaldaqstant, irridu nħallu lis-soċjetà tindikalna t-triq ‘il quddiem. Irridu iżda nkunu tarka kontra l-inġustizzja demokratika li hija r-rieda tal-Gvern u niddefendu dak li huwa tagħna lkoll bħala Maltin u bħala Ewropej, għax dan iġġieldu għalih missirijietna tul mijiet ta’ snin u ma għandna qatt nittolleraw lill-ebda Joseph Muscat iħott ġrajja soċjo-politika li ħmiet nazzjon.
Id-djalogu bena pajjiż fiż-żminijiet il-mudlama, u issa mill-ġdid, irid ikun id-djalogu li jdawwal pajjiż li nħataf minn regħba ta’ ftit li għalihom id-djalogu pubbliku huwa biss pedament qarrieq li jtellef il-fiduċja tal-elettorat fil-politiċi.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd, 10 ta’ Jannar 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 Distrett