Il-Prinċipessa Cristina saret l-ewwel membru tal-Familja Rjali ta’ Spanja li qed tkun proċessata mill-qorti.
Hi qed tkun akkużata bħala kompliċi f’allegat każ ta’ frodi li jingħad kien jinvolvi lil żewġha u 16-il imputat ieħor li lkoll qegħdin jiċħdu li huma ħatja.
Il-proċess tal-qorti beda jinstama’ f’Palma, f’Majorca, bil-każ qed jitqies bħala ferm embarazzanti għall-Familja Rjali Spanjola. Intant, il-Prinċipessa Cristina, li għandha 50 sena, tista’ teħel sa tmien snin ħabs jekk tinstab ħatja mill-maġistrati f’Palma.
Il-Prinċipessa, ilbieraħ, waslet il-qorti akkumpanjata minn żewġha, Inaki Urdangarin, li, min-naħa tiegħu, qed ikun akkużat dwar frodi u ħasil ta’ flus.
Qed ikun allegat li l-fondazzjoni tal-isport ta’ Urdangarin bl-isem Noos Institute (suppost li entità li ma taħdimx bi qligħ) intużat għall-kisba qarrieqa ta’ kuntratti eżaġerati mingħand istituzzjonijiet tal-gvern reġjonali. L-allegazzjonijiet sostnew li l-flus, imbagħad, kienu trasferiti lejn kontijiet personali permezz ta’ sistemi jew ġurisdizzjoni li ma jimponu l-ebda taxxa.
L-ammont ta’ fondi pubbliċi li tħallsu lin-Noos Institute hu kkalkulat mal-5.6 miljun ewro.
Il-Prinċipessa Cristina kienet membru tal-bord ta’ din il-fondazzjoni u, flimkien ma’ żewġha, kienet ko-proprjetarja ta’ kumpannija tal-proprjetà bl-isem Aizoon. Skont il-prosekuturi, il-kumpannija ntużat għall-ħasil ta’ flus b’konnessjoni mal-fondi li nkisbu mill-frodi.
Il-każ kien beda fl-2010 fuq l-inizjattiva ta’ maġistrat li qed jinvestiga l-korruzzjoni fost uffiċjali tal-Gżejjer Baleariċi.