Raġel ġie lliberat mill-akkużi ta’ fastidju sesswali lil kollega fuq il-post tax-xogħol wara li l-Maġistrat Joe Mifsud tenna li l-Prosekuzzjoni ma ppruvatx dak li kien qed jiġi akkużat bih.
Hu u jagħti s-sentenza, fejn ordna divjet fuq isem il-parti ċivili, il-Maġistrat irrimarka li kunfidenzi żejda fuq il-post tax-xogħol jistgħu jwasslu għal problemi serji bejn l-impjegati b’konsegwenzi serji ħafna.
Il-każ imur lura lejn id-19 ta’ Frar li għadda meta l-allegat vittma għamlet rapport lill-Pulizija wara li sostniet li l-kollega tagħha wettaq vjolenza fuq il-pudur tagħha wara li għamlu massage lil xulxin. Il-mara sostniet li tkeċċiet mix-xogħol minħabba dan l-inċident, u kien għalhekk li ressqet formalment il-każ fil-Qorti. Ir-raġel, Owen Calleja, ammetta li kienu jwettqu massage fuq xulxin imma ċaħad għal kollox l-akkużi ta’ fastidju sesswali.
L-allegat vittma u r-raġel taw verżjonijiet għal kollox kuntrastanti minn xulxin, bil-Qorti ssostni li l-allegazzjoni ma ġietx ippruvata mingħajr dubju.
Fl-istess ħin, il-Maġistrat appella biex fuq il-postijiet tax-xogħol ikun hemm kodiċi dwar kif l-impjegati għandhom iġibu ruħhom, fejn dawn ikunu konxji, sa mill-ewwel jum tal-impjieg tagħhom, li għandhom jimxu miegħu. Il-Maġistrat appella wkoll biex dan il-Kodiċi jidentifika b’mod ċar xi jwassal għal fastidju sesswali u x’għandu jkun evitat bejn kollegi.
//= $special ?>