L-Oppożizzjoni se tkompli bil-ħidma impenjattiva tagħha fil-Parlament
L-Oppożizzjoni fil-Parlament se tkompli matul din is-sena bil-ħidma ta’skrutinju kontinwu tal-liġijiet li jressaq il-Gvern kemm għad-dibattitu parlamentari kif ukoll meta l-liġijiet jiġu diskussi fil-Kumitati Parlamentari u dan biex kif għamlet is-sena li għaddiet b’mod mill-aktar evidenti u b’saħħtu, l-Oppożizzjoni tressaq il-proposti tagħha u ssemma leħinha.
Se tkompli taħdem b’impenn u b’enerġija biex il-mozzjonijiet li qed tressaq fil-Parlament jitressqu fuq l-aġenda tal-Parlament għad-dibattitu u dan għaliex l-Oppożizzjoni temmen li għandha tipparteċpa mhux biss billi tikkritika u żżomm taħt skrutinju l-amministrazzjoni tal-Gvern, iżda tkun ukoll proattiva, kostruttiva u tqanqal hi wkoll dibattitu biex il-liġijiet li jgħaddi l-Parlament ikunu fl-interess tal-poplu u mhux fl-interess tal-ftit.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, id-Deputat Nazzjonalista David Agius, ikkummenta ma’ netnews/com.mt li hekk kif mil-lum jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa għall-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, l-Oppożizzjoni, kif għamlet fl-aħħar seduti parlamentari tal-2015, se tkompli tressaq il-proposti tagħha u ssemma leħinha anke meta l-Gvern juri li qiegħed iwebbes rasu u ma jagħtix spazju għall-kunsens u l-ftehim fuq materji ta’ interess u importanza nazzjonali.
Dan kien ukoll dak li wassal lill-Oppożizzjoni li tibqa’ lejl sħiħ tiddibatti u tressaq emendi għal-liġijiet li kien qiegħed iressaq il-Gvern dwar is-settur tal-ambjent fl-aħħar seduti parlamentari tal-2015. Gvern li ma semax la mill-Oppożizzjoni u lanqas mill-eksdeputat tal-Gvern stess, Marlene Farrugia, illum deputat indipendenti.
David Agius spjega li matul din is-sena, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti mal-Gvern biex jiġu diskussi numru mhux żgħir ta’ mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni li għadhom pendenti, flimkien mal-emendi li huma meħtieġa għal tibdl fil-Kostituzzjoni.
Bi proposti pożittivi u kostruttivi, kif għamlet diġà bid-dokument li ppreżentat qabel mal-Gvern ħabbar il-Baġit għal din is-sena, David Agus qal li l-Oppożizzjoni se tkompli tkun kostruttiva u se taħdem biex jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li ppreżentat dwar id-Dominju Pubbliku, u se tipparteċipa b’mod sħiħ fl-Abbozz ta’ Liġi dwar l-awtonomija tal-Parlament li wkoll hu mistenni li jibda jiġi diskuss kmieni din is-sena.
L-Oppożizzjoni se taħdem ukoll biex il-Gvern iressaq ma jdumx għad-dibattitu l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika li se twassal għall-ħatra ta’ Kummissarju dwar l-istandards fil-politika.
Ħidma oħra importanti se tirrifletti l-proposti li qed tressaq l-Oppożizzjoni dwar il-governanza wara li ppubblikat diġà dokumenti bi proposti li jistabbilixxu standards ċari ta’ governanza, u se tkun qed taħdem fuq proposti għal emendi fl-Ordnijiet tal-Kamra.
//= $special ?>

