Mużika

Imut il-leġġendarju David Bowie

Wara ġlieda ta’ 18-il xahar konta l-marda qerrieda tal-kanċer, imut il-kantant leġġendarju David Bowie fl-eta’ ta’ 69 sena.

L-aħbar ħarġet fuq il-media soċjali mit-tifel ta’ Bowie innifsu, illi talab li tiġi rispettata l-privatezza tal-qraba f’dan il-mument diffiċli.

L-aħħar album ta’ David Bowie ħareġ tliet ijiem ilu biss. Fil-fatt ‘Blackstar’ kien id-29 u l-aħħar album f’karriera li tmur lura għall-aħħar tas-snin 60.

Fost il-klassiċi ta’ dan il-kantant jispikkaw il-kanzunetti Let’s Dance, Space Oddity, Heroes, Under Pressure, Rebel, Life on Mars u Suffragette City.

Interessanti l-fatt li l-familja ta’ David Bowie kienet tgħix Malta meta l-kantant kien għadu żgħir. Dan minħabba li missieru kien fis-servizzi Ingliżi f’pajjiżna. Wara l-ħajja f’Malta imbgħad Bowie sploda fix-xena mużikali fl-1967.

Sfortunatament, f’pajjiżna qatt ma kellna x-xorti insegwu kunċert live ta’ David Bowie.