L-Uffiċjal ewlieni responsabbli mill-investigazzjonijiet dwar l-attakki fuq in-nisa li seħħew f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-belt ta’ Cologne qal li s-suspettati kienu ‘kważi esklussivament’ persuni bi storja bħala immigranti. Dawn is-suspettati, fil-parti kbira, huma ta’ nisel Għarbi inkella ġejjin mill-pajjiżi Afrikani tat-Tramuntana.
Intant, Ralf Jaeger, il-Ministru tal-Intern fl-Istat tat-Tramuntana ta’ Rhine-Westphalia, akkuża lill-pulizija ta’ Cologne rigward ‘żbalji serji’. Dan meta tressqu ‘il fuq minn 500 ilment kriminali (b’40 fil-mija qed jallegaw aggrediment sesswali) b’konnessjoni mal-inċidenti li nqalgħu fil-31 ta’ Diċembru li għadda.
Jaeger qal li l-aħħar immigranti li waslu fil-Ġermanja huma fost is-suspettati fil-każ tal-attakki li spikkaw fl-inħawi ċentrali ta’ Cologne, kif ukoll fiz-zona tal-katidral ta’ din il-belt u madwar l-istazzjon tal-ferrovija ewlieni.
Bħalissa, madwar 19 il-individwu qed ikunu investigati mill-Pulizija tal-Istat b’konnessjoni mal-attakki f’Cologne. Ħadd mis-suspettati mhu ċittadin Ġermaniż, meta d-19 il-suspettat jinkludu 14 ir-raġel mill-Marokk u l-Alġerija. Għaxra mis-suspettati qed ifittxu kenn politiku u disa’ minnhom kienu waslu l-Ġermanja wara Settembru li għadda. Hu possibbli li d-disa’ l-oħra jinsabu l-Ġermanja illegalment.
Il-Ġermanja hi xxukkjata bl-iskala tal-aggrediment tan-nisa f’Cologne u bliet Ġermaniżi oħrajn. Dan meta l-Ministru Jaeger innifsu jinsab taħt pressjoni politika u fejn hu, jiem ilu, iddeċieda li jkeċċi lil Wolfgang Albers, minn Kap tal-Pulizija ta’ Cologne.
Meta indirizza kumitat ta’ deputati tal-Istat, Jaeger ikkritika lill-pulizija talli ma sejħux għal reinforzi fil-lejl tal-31 ta’ Diċembru. Hu anki kkundanna l-mod kif il-pulizija infurmat lill-pubbliku dwar l-investigazzjoni, fil-jiem ta’ wara l-aggrediment.
//= $special ?>