Christian Cucciardi, ta’ 31 sena, u missieru Saviour, ta’ 51 sena, inżammu l-ħabs wara li fil-Qorti ġew akkużati li heddew prostituta u li darbuha b’mod ħafif.
Christian Cucciardi, li hu mingħajr indirizz fiss, qed jiġi akkużat li ġiegħel lill-mara tgħix ħajja ta’ prosittuzzjoni u li hu, flimkien ma’ missieru, għex mill-qliegħ tal-prostituzzjoni. L-akkużat kellu relazzjoni ta’ seba’ snin mal-mara, li ntemmet erba’ xhur ilu. Ġie akkużat ukoll li, flimkien ma’ missieru, insulenta u darab b’mod ħafif lill-allegat vittma.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale li ta widen lit-talba tal-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Paula Ciantar, biex ma tingħatax il-libertà proviżorja peress li l-iben kien qed jgħix f’razzett f’Ħaż-Żebbuġ iżda l-post eżatt mhux identifikat.
Il-Prosekuzzjoni saħqet li r-reat li bih qed jiġu akkużati ż-żewġt irġiel hu wieħed serju u li mhux normali għall-Pulizija li tarresta persuni akkużati b’dan it-tip ta’ reat peress li ħafna drabi, il-vittmi jibżgħu ħafna biex jirrappurtaw lil min ikun iħaddimhom. Ikkonfermat li anke f’dan il-każ hemm element qawwi ta’ biża’.
L-avukati tad-Difiża, Paul Borg u Clint Tabone, argumentaw favur il-libertà proviżorja u saħqu li ż-żewġt irġiel kienu kkoperaw mal-Pulizija u li kienet il-vittma li ġriet warajhom. Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-Difiża u saħqet li x-xhieda tal-vittma hi kruċjali.
//= $special ?>
