Il-Gvern mhux jifhem bil-gravità tas-sitwazzjoni ta’ tliet imwiet fil-kustodja tal-Pulizija
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, appella fil-Parlament lill-Ministru Carmelo Abela jerfa’ r-responsabbiltà politika għal sitwazzjoni li ħarbet minn taħt il-kontroll tal-Minstru wara li seħħew tlett imwiet taħt il-kustodja tal-pulizija fl-aħħar tliet xhur, bl-aħħħar każ seħħ is-Sibt li għadda.
L-appell ta’ Beppe Fenech Adami sar wara stqarrija ministerjal qasira ta’ ftit minuti li għamel illejla l-Ministru Carmelo Abela li trattat biss l-aħħar mewt tas-Sibt li għadda.
Beppe Fenech Adami qal li din hi stqarrija li tkompli turi l-gravità tas-sitwazzjoni u li ma tagħmilx riferenza li dan kien it-tielet mewt fil-kustodja tal-Pulizija fi tliet xhur. Sitwazzjoni li fit-tliet xhur rat tliet persuni fil-kustodja tal-Pulizija jneħħu ħajjithom b’idejhom.
“Ninkwieta li l-Gvern mhux jifhem bil-gravità tas-sitwazzjoni”, saħaq Beppe Fenech Adami.
Fakkar li l-ewwel mewt kienet persuna li nqabdet bi kwantità kbira ta’ droga, u ftit ġimgħat wara kien hemm il-mewt ta’ persuna oħra ta’ nazzjonalità barranija. L-għada ta’ din it-tieni mewt fil-kustodja tal-Pulizja, kien hemm konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju tal-Pulizija, li fissirha bħala oxxena għaliex minflok ma ngħatat spjegazzjoni ta x’ġara u għaliex fi ftit ġimgħat kien hemm persuna oħra li neħħiet ħajjitha fid-depot, qal li din kienet persuna homeless u bi problema ta’ droga u li jumejn qabel inqabdet tisraq fuq bejt fl-Imsida B’dan ingħatat l-impresjsoni li dan il-każ ta’ mewt ta’ din il-persuna mhux gravi.
Appella lill-Ministru Abela jifhem li dawn huma affarijet serji ħafna li f’ċirkustanzi normali jixxukkjaw. Staqsa x’wiċċ irid ikollu l-Ministru u jikkwota dak li ntqal f’leġislatura oħra u jgħid li każ bħal dan m’għandux jiġi politiċizzat.
Irrimarka li fuq il-każ li dwaru kwota l-Ministru Abela, dak ta’ Nicholas Azzopardi, kien hemm inkjesta maġisterjali, u l-Partit Llaburista dakinhar fl-Oppożizzjoni saħansitra kien ippubblika ktieb minn Evarist Bartolo.
Filwaqt li kkritika lill-Gvern li mhux qed iħares lejn dawn it-tlett imwiet bħala materja ta’ politika serja, saħaq li s-sitwazzjoni ħarbet minn taġt il-kontroll tal-Ministru u issa trid tintrefa’ r-responsabbiltà għaliha.
Fl-istqarrija tiegħu ta’ ftit minuti, il-Ministru Carmelo Abela semma li l-attenttati ta’ suwiċidju mhumiex rari, u li ħafna jiġu evitati. Spjega li fuq il-każ tas-Sibt li għadda għaddejja inkjesta Maġisterjali u l-ministeru tiegħu ħatar inkjesta interna biex tinvestiga dwar nuqqasijiet fit-taqsima f’Monte Carmeli u li għandha tindika jekk kienx hemm xi nuqqasjiet filwaqt li tirrakkomada l-passi dixxiplinarji jekk jirriżultaw nuqqasijiet.
Qal ukoll li se jsiru rakkomandazzjonijiet biex inċidenti bħal dan ma jirrepetuwx ruħhom.L-inkjesta għandha titlesta sal-21 ta’ Jannar li ġej.
Il-Ministeru nkariga wkoll lill-Bord ta’ Viżitaturi għall-Persuni Detenuti biex jinvestigaw it-taqsima forensika f’Monte Carmeli u fid-depot tal-Pulizja. Ir-rapport għandu jitlesta fi tmien ġimgħat.
Appell għal inkjesta Maġisterjali pubblika
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi wieġeb għar-rimarki tal-Ministru Abela meta rrifera għal każ ta’ Nicholas Azzopardi li seħħ fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, u fakkar li minħabba d-dubju li qajmet l-Oppożizzjoni Laburista, il-Prim Minsitru ta’ dak iż-żmien kien offra amnestija u protezzjoni lil min kellu informazzjoni ġdida.
Fakar ukoll li l-Prim Ministru tal-lum, Muscat, kien wiegħed fil-kampanja elettorali li se jagħmel sorveljanza akbar fid-depot biex ma jkunx hemm aktar abbużi. Fis-Servizz ta’ Sigurtà.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li ħatar membru fil-bord ta’ inkjesta li ma kienx aċċettat biex jidħol fis-Servizz ta’ Sigurtà, u li din il-persuna ddaħħlet lura minn dan il-Gvern.
Appella għal inkjesta Maġisterjali pubblika taħt il-liġi tal-inkjesti, u dan biex jiġu pubblikati r-rapporti tal-inkjesta. Staqsa għaliex qed issir inkjesta interna.
Fakkar li fil-każ ta’ Nicholas Azzopardi kien sar kollox pubbliku, u l-Oppożizjzoni dakinhar xorta ppolitiċizzat il-każ u talbet għar-riżenja tal-Ministru. Staqsa x’inhi d-diffikultà, f’ġieh it-trasparenza, li l-Gvern jagħmel inkjesta Maġisterjali pubblika.
Stqarrija xotta dwar it-tielet każ ta’ mewt fil-kustodja tal-Pulizija
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li meta persuna hi fil-kustodja tal-Pulizija jfisser li l-Puliizja tkun responsabbli mis-saħħa u s-sigurezza tal-persuna fil-kustodja. Sejjaħ l-istqarrija dwar it-tielet każ ta’ mewt fil-kustodja tal-Pulizija bħala xotta mingħajr ma ssir riferenza għat-tliet każijiet li seħħew.
Irrimarka wkoll għall-kwotazzjoni tal-Ministru dwar il-każ ta’ Nicholas Azzopardi u spjega li għall-korrettezza l-Ministru kellu jikkwota wkoll x’qalet l-Oppożizzjoni Laburista u kif kienet aġixxiet.
Appella wkoll għal inkjesta pubblika u mhux inkjesta interna għaliex dak li qed jiġri hu ta’ interess għan-nazzjon u għall-pubbliku.
Kunflitt ta’ interess
Ix-Shadow Minister Chris Said staqsa għaliex il-Ministru fl-istqarrija tiegħu jagħmel riferenza biss għat-tielet mewt fil-kustodja tal-Pulizija u kkritika li l-istqarrija tal-Ministru, kif saret, saret f’kuntest li dak li ġara qabel qisu ma ġarax.
Staqsa lill-Ministru jaħsibx li l-Kap tal-Operat tas-Servizzi ta’ Detenzjoni fuq il-Bord ta’ Inkjesta joħloqx kunflitt ta’ interess. Talab ukoll lill-Ministru jispjega x’qed iżomm lill-Gvern li jordna inkjesta pubblika, u jispjega wkoll jekk dawn il-każi, fil-fehma tiegħu, humiex ta’ interess pubbliku u jekk hemmx bżonn inkjesta pubblika biex ikun hemm trasparenza sħiħa u serjetà.
Marlene Farrugia tgħid li meta r-rule of law tkun imminata jintefa’ dell ikreh fuq l-amministrazzjoni tal-pajjiż
Id-Deputat indipendenti Marlene Farrrugia qalet li meta r-rule of law tkun imminata, jintefa’ dell ikreh fuq l-amministrazzjon tal-pajjiż.
Spjegat li meta jkun hemm tliet minn nies imutu taħt il-kura ta’ min suppost qed jiddefendihom milli jmutu b’mod mhux naturali, wieħed jgħid li hemm xi ħaġa li mhix tiffunzjona tajjeb.
Saħqet li l-Ministru għandu jammetti li b’dak li kien hemm qabel u dak li għadu ma sarx, l-operat mhux qed jiffunzjona tajjeb u talbet lill-Ministru jgħid kif persuni mhux se jitilfu aktar ħajjithom meta jkunu fil-kustodja tal-Pulizija. Appellat lill-Ministru jikklerja l-isem ta’ Malta.
Fir-rimarki konklussivi tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela appella biex nistennew l-eżitu tal-inkjesti u qal li l-Gvern mhux se jinħeba wara l-inkjesti.
//= $special ?>