Lokali Parlament

Tibda d-diskussjoni dwar l-awtonomija u l-indipendenza tal-Parlament mill-Eżekuttiv

Il-Parlament beda jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġ dwar it-twaqqif ta’ Servizz Parlamentari li jkun awtonomu fl-amministrazzjoni tiegħu u indipendenti mill-Eżekuttiv.

Il-funzjonijiet tas-Servizz huma li jagħti servizzi amministrattivi u ta’ sostenn lill-Kamra u lill-membri u kumitati tagħha.

L-Abbozz ta’ Liġi li tressaq illejla għad-diskussjoni fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u sekondat mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, jaħseb biex is-Servizz Parlamentari jkun korp li jkollu personalità ġuridika distinta. Ir-rappreżentanza legali u ġuridika tas-Servizz għandha tkun fl-Ispeaker.

Funzjonijiet oħrajn jistgħu jingħataw skont kif jiġu stabbiliti mill-Ispeaker flimkien mal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

L-uffiċjali tas-Servizz għandhom jimxu ma’ kull Kodiċi ta’ etika li japplika għall-uffiċjali pubbliċi. Is-Servizz jista’ wkoll bi qbil mal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, ifassal valuri hu tas-Servizz u Kodiċi ta’ Etika li jissupplimentaw il-Kodiċi tal-Etika tas-servizz pubbliku.

Qed jiġi propost ukoll Bord Konsultattiv ippresedut mill-Iskrivan tal-Kamra bi rwol konsultattiv li jgħin lill-Ispeaker fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

L-Ispeaker għandu jkun il-Kap tas-Servizz bi rwol ġenerali jkun li jippreżenta l-pjani finanzjarji u l-estimi tas-Servizz lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra; jiddeċiedi dwar il-policies ewlenin; jissorvelja l-operat; jiddeċiedi dwar dawk is-servizzi li għandhom jiġu provduti mis-Servizz; u li b’konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jagħmel regolamenti li jkollhom x’jaqsmu mal-mili ta’ postijiet battala, reklutaġġ, mandat tal-ħatra, tkeċċija, dixxiplina u għal kull kwistjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-impjieg.

L-Ispeaker jista’ jaħtar dqwk il-persuni f’kapaċità konsultattiva għat-tmexxija xierqa tas-Servizz, kif ukoll dawk il-persuni oħra meħtieġa biex jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu. Iżda meta l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jkun għamel regoli li jirregolaw dak il-ksib ta’ dawk is-servizzi, l-Ispeaker għandu jimxi ma’ dawk ir-regoli.

L-Ispeaker għandu jikkonsulta mal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

Qed jiġi propost ukoll li l-Iskrivan tal-Kamra jinħatar mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Ispeaker wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

Il-kontijiet tas-Servizz għandhom jiġu verifikati mill-Awditur Ġenerali jew minn awditur li jinħatar mill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, u jkun suġġett għall-verifika tal-Awditur Ġenerali. Rapport dwar il-verifika tal-kontijiet għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra permezz tal-Ispeaker.