Bejn 150 u 200 suldat Ġermaniż tal-Bundeswehr (Armata) jistgħu jintbagħtu dalwaqt lejn it-Tuneżija, biex iħarrġu membri tal-qawwiet armati li ġejjin mil-Libja. Jistgħu jgħinu wkoll f’dan l-impenn elementi tal-militar Taljan, dejjem skont rapport partikolari tal-ġurnal Ġermaniż, ‘Spiegel’.
Il-ġurnal, li ikkwota pjani interni tal-Bundeswehr, sostna li dan jista’ jsir fi kwistjoni ta’ xhur u bħala parti minn missjoni biex tevita l-firxa tal-ISIS fil-Libja. Intant, qed jingħad li l-missjoni għandha tkun simili għall-missjoni tat-taħriġ attwali (mmexxija mill-Armata Ġermaniża) għall-ġellieda Kurdi fit-Tramuntana tal-Iraq.
Ir-rapport isostni li l-iskop ġenerali hu biex it-truppi Libjani ‘jikkumbattu aħjar’ lit-terroristi tal-ISIS li qegħdin jisfruttaw l-anarkija u n-nuqqas ta’ sistemi għaż-żamma tal- liġi fil-Libja biex jaħtfu kemm jistgħu tat-territorju. Intant, mifhum li l-missjoni għandha ssir fit-Tuneżija proprju minħabba n-nuqqas tas-sigurtà fil-Libja proprja.
Madankollu, il-ġurnal ‘Spiegel’ fisser li missjoni bħal din tista’ ssir biss ladarba l-qawwiet politiċi rivali fil-Libja jilħqu jiffurmaw Gvern għall-għaqda. Ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Martin Kobler ( Ġermaniż), fl-aħħar jiem kien strumentali bħala medjatur biex iwassal għal ftehim li jiftaħ għat-twaqqif ta’ dan il-Gvern ‘għal-Libjani kollha’.
Kobler ukoll jappoġġja l-idea għal missjoni ta’ taħriġ ‘mill-Bundeswehr’ għall-militar Libjan. Iżda filwaqt li l-Ministeru tad-Difiża Ġermaniż ma ċaħadx ir-rapport, kelliem għal dan il-Ministeru sostna li ż-żmien hu aktar ideali għal negozjati diplomatiċi milli għal spekulazzjoni dwar ‘xi stazzjonar militari’.
Il-Libja ilha għaddejja minn kaos politiku u vjolenza mindu tqaċċat ir-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi, fl-2011. Fil-preżent, żewġ Gvernijiet u parlamenti rivali jinsabu fl-eqqel ta’ taqbida għall-poter, waqt li l-ISIS qed jiggwadanja mill-konfużjoni u nuqqas ta’ stabbiltà fil-pajjiż.
Sadanittant, il-pajjiżi tal-Punent żiedu l-isforzi biex jikkumbattu lill-ġellieda tal-ISIS, b’mod partikolari mindu terroristi affiljati mal-grupp wettqu l-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi fejn inqatlu 130, u rriżultaw għexieren ta’ midruba.
Il-Ġermanja tikkunsidra li tħarreġ truppi Libjani għal kontra l-ISIS
