Lokali

1,300 firma kontra l-aħħar bidliet fit-trasport pubbliku

Ritratt: Arkivji

Petizzjoni onlajn biex is-servizz tat-trasport pubbliku jmur lura għal li kien qabel it-tibdil ta’ Diċembru li għadda, ġabret diġà 1,300 firma.

Il-petizzjoni onlajn hi ta’ Campaign For Better Public Trasport – Malta and Gozo u qed issejjaħ lill-Ministeru tat-Trasport, lill-Ministru Joe Mizzi u lil Transport Malta biex ineħħu jew itejbu rotot tat-trasport. Il-petizzjoni nfetħet ħamest ijiem ilu.

L-1,300 persuna li ffirmaw onlajn qed jitolbu lill-Gvern b’mod partikolari biex ireġġgħu lura l-bidliet li għamlu fuq ir-rotot għall-isptar Mater Dei u għall-Università ta’ Malta li issa għandhom id-doppju tal-waqfiet u tnaqqsu ħafna l-karozzi tal-linja li qed jagħtu servizz f’dawn l-inħawi.

Iċ-ċittadini li ffirmaw il-petizzjoni qed jisħqu li dan qed ifisser karozzi tal-linja b’ħafna iktar nies, iktar traffiku, iktar possibiltà ta’ inċidenti u diversi passiġġieri li qed jaslu tard għad-destinazzjoni tagħhom jew saħansitra ma jaslux.

Qed jisħqu wkoll li r-rotot il-ġodda qed jaffettwaw b’mod negattiv lil dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku f’Malta u f’Għawdex, u li ta’ kuljum qed ikun hemm ilmenti mill-pubbliku lil Transport Malta li mhi tagħmel xejn b’mod immedjat dwarhom.

Il-kampanja wara din il-petizzjoni ma teskludix li tiġbor il-firem minn żoni pubbliċi f’Malta, mhux biss permezz tal-internet.

Iffirma l-petizzjoni f’dan il-link.