Wara li lbieraħ filgħaxija, l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna kien intervistat waqt il-programm “Reporter” fuq ix-Xandir tal-Istat, bil-Kap tal-Knisja f’Malta kkummenta dwar il-Messaġġ tal-Ewwel tas-Sena mill-Prim Ministru, dalgħodu l-Konsulent tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield għażel li jattakka lill-Arċisqof.
F’kumment fuq Facebook, Bedingfield qal “L-Arcisqof jawgura li l-Prim Ministru, meta jidhol fil-kċina, tkun ta’ veru. Tal-anqas il-Prim Ministru ma daħalx f’xi kamra tas-sodda ta’ tfal”. Dan il-kumment qajjem kritika minn ħafna, l-aktar għax qed jgħidu li dan mhux diskors xieraq minn Konsulent tal-Prim Ministru.
Jeħtieġ li Joseph Muscat iwaqqaf il-medjokrità qabel ma jkun tard wisq – il-PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tistenna li l-Prim Ministru ma jibqax sieket quddiem il-kummenti baxxi li għadda l-Konsulent tiegħu Glenn Bedingfield. Il-Partit Nazzjonalista kompla li hu diġà att gravi li Uffiċjal pubbliku, imħallas mit-taxxi tal-poplu, jitkellem b’dan il-mod. Iżda, li dan ikun ukoll il-Konsulent tal-Prim Ministru hi aktar inaċċettabbli, tant li titlob li l-Prim Ministru nnifsu jerfa’ r-responsabbiltà u jieħu passi.
Il-poplu jistenna li l-Prim Ministru ma jibqax iħalli din it-tiġrija lejn il-qiegħ tkompli tirranka u għandu jwaqqaf il-medjokrità tal-Gvern tiegħu qabel ma ssir aktar ħsara, sostna l-Partit Nazzjonalista, li wiegħed li fil-Gvern jimxi b’mod differenti.
Kif għamilha ċara diġà fid-Dokument dwar il-Good Governance, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jiżgura li dawk li jkollhom ħatra politika jitkellmu u jġibu rwieħhom b’mod li jixraq lill-karattru nazzjonali tal-pożizzjoni li jokkupaw għax dawn huma l-istandards li jrid idaħħal il-Partit Nazzjonalista f’pajjiżna, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

