Lokali Parlament

Aktar minn €74,000 mill-kiri tal-Fanal tal-Ġordan, iżda xejn għar-restawr

Transport Malta daħħlet is-somma ta’ aktar minn €74,000 mill-kiri ta’ partijiet tal-Fanal tal-Ġordan f’Għawdex, u ma nefqitx ċenteżmu biex dan il-fanal, storiku u ta’ landmark f’Għawdex, jiġi restawrat u ma jibqax fl-istat diżastruża li jinsab fih illum.

Dan irriżulta minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsijiet li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, li staqsa lill-Ministru Joe Mizzi jgħid kemm Transport Malta daħlet mingħand il-GO plc u l-Vodafone plc għall-kirja ta’ parti mill-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri, f’Għawdex, sa minn meta bdew jużawh. Staqsa wkoll kemm intefaq fuq restawr u manutenzjoni tal-Fanal tal-Ġordan minn dan l-ammont u xkien ix-xogħol ta’ restawr jew manutenzjoni li sar.

Il-Ministru Mizzi qal fit-tweġiba li ta, li Transport Malta daħlet total ta’ €74,122 sal-lum għall-kirja ta’ parti mill-Fanal tal-Ġordan. Iddikjara wkoll li ma sar l-ebda xogħol ta’ restawr jew manutenzjoni fuq dan il-Fanal tul dawn l-aħħar snin.

Ix-Shadow Minister Chris Said fil-Parlament appella fl-aħħar xhur diversi drabi biex isiru interventi immedjati ta’ restawr fuq il-Fanal tal-Ġordan li jinsab fuq għolja li hi landmark prominenti f’Għawdex li tattira wkoll diversi turisti u Maltin li jżuru l-gżira. Il-fanal jinsab fi stat ħażin ħafna u bl-ilma dieħel fih.

Il-Kunsill tal-Għasri ilu snin jitlob biex jieħu f’idejh ir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan, bir-risposta dejjem tkun li dan qiegħed f’idejn Transport Malta li tikrih ukoll lill-privat.