Lokali Parlament

Appell biex jitressaq kemm jista’ jkun malajr l-Abbozz dwar it-twaqqif ta’ Kummissarju dwar l-Istandards

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq proposti u emendi għal Parlament li jaħdem aħjar u jagħti riżultati aħjar f’xogħol leġislattiv

Ix-Shadow Minister Chris Said appella li wara li tiġi approvata l-Liġi li se tagħti l-awtonomija lill-Parlament, jitressaq kemm jista’ jkun malajr u b’mod immedjat l-Abbozz dwar it-twaqqif ta’ Kummissarju dwar l-Istandards għaliex dan ikun pass importanti biex insaħħu l-fiduċja tal-poplu fir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament.

Fid-dibattitu li kompla llejla dwar l-Abbozz ta’ Liġi għat-twaqqif ta’ Servizz Parlamentari li se jagħti awtonomija lill-Parlament mill-Eżekuttiv, Chris Said fisser li dan hu abbozz ta’ liġi simili u kważi identiku għal dak li kien ippreżentat f’Settembru tal-2012 meta l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg fil-leġislatura li għaddiet u qabel ma sar Kummissarju Ewropew, kien ippreżenta f’Abbozz wieħed li kien jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ Kummissarju Parlamentari dwar l-iStandards. Mal-abbozz kienet tħejjiet ukoll White Paper bit-titlu: Parlament Malti – Aktar awtonomija aktar responsabbiltà.

Fisser li l-iskop kien biex jinħoloq mekkaniżmu biex jiġi kontrollat ukoll l-aġir tad-deputati kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament permezz tal-ħatra tal-Kummissarju dwar l-iStandards.

Ix-Shadow Minister qal li l-abbozz ippreżentat illum għall-awtonomija parlamentari hu pass ieħor importanti għall-Parlament Malti wara li ftit tax-xhur ilu il-Parlament beda jaħdem minn binja ġdida u f’dar ġdida għalih.

Fisser li l-kunċett ta’ Parlament awtonomu ħieles mill-kontroll tal-Eżekuttiv, ilu jimmatura għal numru ta’ snin, u tressaq ‘il quddiem minn diversi Speakers tal-Kamra.

Semma l-Ispeaker Lawrence Gonzi meta ddaħħlu għall-ewwel darba l-Kumitati Parlamentari li ġabu rivoluzzjoni u tibdil kif isir ix-xogħol tal-Kamra. Semma l-istudju li sar dwar is-Servizzi Parlamentari fi żmien l-Ispeaker Anton Tabone. Fi żmien l-Ispeaker Michael Frendo saret White Paper b’abbozz ta’ liġi li kien jipprovdi għat-twaqqif tas-Servizz Parlamentari u fl-istess waqt ukoll u fl-istess liġi jkollna wkoll il-Kummissarju Parlamentari dwar l-iStandards.

Fakkar ukoll fid-diskors tas-Sette Giugno tal-2012 meta l-President tal-Kamra ta’ dak iż-żmien, Michael Frendo, tkellem dwar l-isfida tal-partiti politiċi li jimpenjaw ruħhom li mal-ewwel opportunità fil-leġislatura li jmiss jagħtu lill-Parlament il-liġi li jistabbilixxuh bħala awtonomu. Semma li tliet xhur wara l-Gvern preċedenti kien ippreżenta white paper b’abbozz ta’ liġi li taħseb għat-twaqqif tas-Servizz Parlamentari u l-ħatra ta’ Kummissarju Parlamentari dwar l-iStandards.

Illum, f’din il-leġislatura u taħt l-Ispeaker preżenti, qed jiġi preżentat abbozz li jaħseb għal aktar awtonomija lill-Parlament, u ieħor separat għall-Kummissarju Parlamentari dwar l-iStandards.

Chris Said saħaq li l-Oppożizzjoni se tagħti s-sehem tagħha biex l-Abbozz jittejjeb, u se tkun qed tressaq proposti u emendi għal Parlament li jaħdem aħjar u jagħti riżultati aħjar f’xogħol leġislattiv.

Analiżi dwar ir-riżorsi lill-membri parlamentari
Fisser ukoll li dan hu abbozz li jġib miegħu wkoll analiżi dwar ir-riżorsi lill-membri parlamentari u dwar jekk wasalx iż-żmien jekk numru ta’ deputati jkunux full-timers li jgħinu biex ikun hemm preparazzjoni aħjar għal-liġijiet.

Tkellem dwar il-bżonn tal-għodod ġodda lill-parlamentari u aktar riżorsi li huma meħtieġa għar-riċerka. Iddikjara wkoll li fil-fehma tiegħu, il-parlamentari Maltin mhumiex qed ikunu preparati biżżejjed u mhux qed jiġu megħjuna bl-għodod neċessarji biex jiskrutinjaw u janalizzaw liġijiet, regolamenti u direttivi tal-Unjoni Ewropea. Appella għal dibattitu dwar l-għajnuna meħtieġa lill-membri parlamentari fl-iskrutinju tar-regolamenti u direttivi Ewropej.

Il-Parlament għandu jkun preżenti wkoll f’Għawdex
Appella wkoll lill-Ispeaker biex il-Parlament ikun eqreb tal-Għawdxin u janalizza kif il-Parlament ikun preżenti wkoll f’Għawdex, bħalma hu uffiċċju f’Għawdex.

Dwar il-funzjoni tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra għall-awtonomija parlamentari, Chris Said qal li dan il-Kumitat, għal dawn il-funzjonijiet, ikollu rappreżentanza ugwali bejn Gvern u Oppożizzjoni.

Tkellem ukoll dwar il-verifika tal-kontijiet tas-Servizz Parlamentari u ppropna li l-awdituri jintgħażlu mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

Nanalizzaw il-mudell tal-Parlament Ewropew
Dwar il-baġit tal-Parlament, Chris Said qal li għandna nanalizzaw il-mudell tal-Parlament Ewropew biex l-awtonomija tal-Parlament Malti tkun b’saħħitha għaliex saħaq li l-baġit tal-Parlament ikollu piż kbir biex l-istituzzjoni tal-Parlament ikollha r-riżorsi meħtieġa u awtonomija finanzjarja b’saħħitha.