Lokali Parlament

Appell għal bilanċ ugwali bejn Gvern u Oppożizzjoni fil-Kumitat dwar l-awtonomija parlamentari

Se jibqa’ l-Gvern li jiddeċiedi fid-deċiżjonijiet dwar l-awtonomija tal-Parlament f’Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra b’maġġoranza tal-Gvern

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius ippropona li fejn jidħlu deċiżjonijiet u xogħol parlamentari marbut mal-awtonomija tal-Parlament, il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jkun kompost b’mod differenti milli kif inhu llum. Bilanċ ugwali bejn Gvern u Oppożizzjoni twassal għal awtonomija parlamentari biex ma jibqax aktar l-Eżekuttiv jiddeċiedi għal-leġislattiv.

David Agius qal fil-Parlament, li wara ħafna xogħol li sar fl-aħħar snin, il-Gvern illum qed iressaq Abbozz għat-twaqqif ta’ Servizz Parlamentari li qed jiġi sekondat mill-Oppożizzjoni. Hu l-ewwel pass għaliex hu Abbozz li għandu jkompli jiġi mtejjeb. Spjega li l-Abbozz imressaq għandu jkompli jitranġa għaliex kif qed jiġi propost, l-awtonomija tal-Parlament tiddependi mill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li jissemma fi kważi f’kull klawsola.

Filwaqt li spjega li fix-xogħol marbut mal-aġenda tal-Parlament u l-aġenda tax-Xogħol tal-Gvern hu importanti li jkun hemm maġġoranza tal-Gvern f’dan il-Kumitat, trid issir distinzjoni bejn ix-xogħol tal-Kamra marbut mal-liġijiet li trid tkun indirizzata b’maġġoranza tal-Gvern, u sitwazzjoni marbuta mat-tmexxija tal-awtonomija tal-Parlament li għandu jkollha bilanċ ta’ deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni. Dan biex verament ikun Parlament awtonomu.

Fisser li l-Abbozz ta’ liġi jagħti ħafna importanza, kważi f’kull klawsola, lill-Kumitat dwar x-Xogħol tal-Kamra li miegħu jrid ikun hemm qbil fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fit-tmexxija tal-Parlament.

Jekk irridu distinzjoni bejn il-Parlament u l-Eżekuttiv, fejn jidħol xogħol u deċiżjonijiet relatati ma’ dan l-Abbozz li qed iwitti t-triq għall-awtonomija parlamentari, il-Kumitat għal dawn iċ-ċirkusutanzi jkun kompost b’mod diffetenti milli kif inhu llum. Dan biex ma jkollniex lill-Gvern jiddetta u l-Parlament irid iwettaq.

Saħaq li jekk verament irridu Parlament aktar awtonomu, irridu niddifenixxu sew il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra. Kif hi proposta l-liġi, il-proposta għal membri ugwali f’Kumitat tal-Kamra marbut mal-awtonomija parlamentari tista’ ssir.

Semma wkoll il-baġit għall-awtonomija tal-Parlament u staqsa li hawn ukoll, b’Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra b’maġġoranza tal-Gvern, se jibqa’ l-Gvern li jiddeċiedi. L-istess eżempju jgħodd għar-responsabbiltà tal-binja tal-Parlament u l-manutenzjoni tagħha, il-ħatra u r-responsabbiltajiet tal-Iskrivan tal-Kamra, u l-funzjonijiet tal-Ispeaker fejn il-maġġoranza tal-Gvern se tiddeċiedi dwar dan fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jekk jibqa’ kompost kif inhu llum.

Staqsa li jekk il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra ma jaqbilx, ta’ min se tkun l-aħħar kelma – tal-Kumitat b’maġġoranza tal-Gvern jew tal-Kap tas-Servizz Parlamentari li hu l-Ispeaker tal-Kamra.

Spjega li hu l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li se jagħmel ir-regoli li magħhom irid jimxi l-Kap tas-Servizz Parlamentari u appella biex f’dan id-dibattitu niddeċiedu jekk hux se jkun il-Kumitat tal-Kamra kif inhu llum li se jiddieċiedi dwar l-awtonomija parlamentari.

Irrimarka wkoll u staqsa jekk il-Parlament għandux ikollu aktar minn Deputat Speaker wieħed. Staqsa meta u kif se jitwaqqaf il-korp indipendenti mwaqqaf biex jiddeċiedi fuq ir-remunerazzjoni tal-Ispeaker u tal-Membri Parlamentari. Ippropna wkoll li jinħatar awditur separat għall-kontijiet minn Awditur Ġenerali biex l-Awditur Ġenerali jżommm ir-rwol ta’ assessjar u verifika fuq l-awditur.