Internazzjonali

Arresti f’Leipzig wara dimostrazzjoni ‘anti-Iżlam’

Il-Pulizija fil-belt Ġermaniża ta’ Leipzig għamlu tal-anqas 211-il arrest wara li dimostranti estremisti tal-lemin ivvandalizzaw bini u ħarqu vetturi waqt dimostrazzjoni b’tema anti-Iżlamika.

L-inkwiet seħħ anki waqt li eluf ta’ attivisti fil-belt kienu qed jipprotestaw bil-kwiet.

Id-dimostranti qegħdin jgħidu li l-vjolenza sesswali li sofrew ħafna nisa fi bliet Ġermaniżi għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena hi dovuta għall-influss rekord ta’ refuġjati fil-Ġermanja. Dan meta l-uffiċjali qalu li ‘l-awturi tal-aggrediment li spikka fil-belt ta’ Cologne, kważi kollha kienu ta’ nisel Għarbi jew Afrikan’.

Kienu rrappurtati attakki ta’ ritaljazzjoni f’Cologne fejn weġġgħu nies mill-Pakistan, is-Sirja u l-Guinea – bil-Gvern tal-Ġermanja jikkundanna l-vjolenza bla riservi.

Fil-lejl tat-Tnejn, xi 2,000 sostenitur tal-Legida – verżjoni tal-Pediga (il-Moviment ta’ Patrijotti għal kontra t-tiswir Iżlamiku tal-Ewropa) – immarċjaw f’Leipzig fejn esprimew rabja għall-Gvern Ġermaniż talli laqa’ numru hekk kbir ta’ immigranti u refuġjati f’artu.

Waqt il-protesta, grupp ta’ estremisti u hooligans assoċjati mal-futbol attakkaw id-distrett ta’ Connewitz fejn, fost oħrajn, kissru t-twieqi tal-istabbilimenti u taw in-nar lill-karozzi fl-inħawi. Matul il-lejl tat-Tnejn saret anki dimostrazzjoni oħra, f’Leipzig, minn dimostranti li huma kontra l-messaġġ tal-Pediga.

L-aggrediment tan-nisa f’Cologne u bliet Ġermaniżi oħra xxokkja lill-pajjiż, bil-Pulizija Ġermaniża tkun suġġetta għal kritika qalila, fejn ingħad li huma ‘żbaljaw bil-kbir’ meta ma sejħux għal reinforzi. Kritika oħra kienet dwar kif ‘il-pulizija infurmaw il-pubbliku’.