L-Għaqda Patrijotti Maltin se tkun qed torganizza dimostrazzjoni biex twieġeb għall-attivitajiet li grupp ta’ Musulmani qed jagħmlu fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja tal-Imsida. Fi stqarrija, l-Għaqda qalet li dawk li se jattendu għad-dimostrazzjoni, tal-Ħadd li ġej u li se tibda fl-10am, se jkunu indirizzati minn numru ta’ Uffiċjali tal-għaqda.
Fuq Facebook, Uffiċjal tal-Għaqda Patrijotti Maltin qal li l-għan tad-dimostrazzjoni hi li jappellaw lill-awtoritajiet ħalli jitwaqqfu attivitajiet bħal dawn f’postijiet pubbliċi Maltin. Qal li dan m’għandux iseħħ għax “f’pajjiżkom lanqas inroddu salib ma tħalluna”. L-Għaqda qed tappella lill-Musulmani li qed jorganizzaw u jattendu l-attività fl-Imsida biex jagħmlu dan f’postijiet iddedikati għall-attivitajiet reliġjużi.
Sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li anke fost il-Musulmani hemm opinjonijiet kontrastanti dwar l-attività quddiem il-Knisja tal-Imsida. Fil-fatt, waqt li tkun għaddejja l-attività ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa fl-Imsida, numru ta’ Musulmani qed jidhru jitbegħdu mill-post u jinġabru f’żona oħra ftit metri bogħod minfejn tkun għaddejja l-attività.
//= $special ?>

