Għaxar persuni, talanqas disa’ minnhom turisti Ġermaniżi, inqatlu fi splużjoni kbira li, ilbieraħ, riegħdet iz-zona ċentrali ta’ Istanbul, fit-Turkija.
L-aħħar rapporti qalu li raġel Sirjan, suspettat bħala terrorista tal-ISIS, kien wettaq splużjoni suwiċida fid-distrett ta’ Sultanahmet, li jinsab qrib il-Moskea l-Blu ta’ Istanbul. L-awtoritajiet, aktar ‘il quddiem, ikkonfermaw 15 il-midruba fl-attakk, biċ-ċifra tal-vittmi kapaċi titla’ aktar ma jgħaddi żmien.
Ftit wara l-attakk tkellem il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, li qal li pajjiżu sar mira ewlenija għall-gruppi terroristiċi kollha fir-reġjun. Hu kompla li pajjiżu qed jiġġieled kontra t-terroristi fost rapporti li l-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, ċempel lill-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, biex jinfurmaha dwar il-Ġermaniżi maqtula u biex jesprimi l-kondoljanzi ta’ pajjiżu.
Angela Merkel, intant, sostniet li t-terroriżmu mill-ġdid qed juri l-wiċċ inuman tiegħu wara l-attakki mdemmija tas-sena l-oħra f’Pariġi, Ankara u t-Tuneżija. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin wissa lill-Ġermaniżi f’Istanbul biex jevitaw il-folol kbar u l-attrazzjonijiet turistiċi.
Ir-rapporti rreferew għat-terrorista responsabbli mid-dmija tallum bħala raġel Sirjan li kien twieled fl-1988. Dan waqt li l-awtoritajiet qed jinvestigaw it-tip ta’ splussiv li ntuża fit-terrur li heżżeż iċ-ċentru ta’ Istanbul. L-ebda grupp ma ħa responsabbiltà għall-attakk, sal-ħin li morna għall-istampa.
Fl-aħħar xhur il-belt ta’ Istanbul kienet sfat mira għal vjolenza fejn spikkaw attakki minn grupp estremista tax-xellug. Fl-istess ħin, żdiedet il-vjolenza bejn il-qawwiet tal-Gvern Tork u l-militanti Kurdi tal-PKK, b’mod partikolari fir-reġjuni lejn ix-xlokk tat-Turkija.
Sadanittant, it-Turkija ntlaqtet ukoll minn attakki li jingħad li twettqu minn terroristi tal-ISIS.
L-akbar attakk fit-Turkija kien seħħ f’Ottubru li għadda fil-belt ta’ Ankara meta żewġ splużjonijiet minn terroristi suwiċida qatlu ‘l fuq minn 100 persuna fiċ-ċentru tal-kapitali.
//= $special ?>