Internazzjonali

Il-Ġermanja: Lejn deportazzjoni aktar faċli ta’ kriminali barranin

Il-Ġermanja ħabbret pjani għall-implimentazzjoni ta’ proċessi, fil-futur, li jagħmlu t-tkeċċija ta’ kriminali barranin aktar faċli. Hu anki ppjanat li l-immigranti (f’dan il-pajjiż) li jattakkaw persuna bi skop sesswali jitneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat.

Dan kien l-aħħar żvilupp wara l-mijiet tal-każi ta’ aggrediment sesswali u serq (fuq in-nisa f’Cologne) minn irġiel Għarab u Afrikani.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Ġermaniż, Heiko Maas, qal li ħadd ma jrid jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi. Il-messaġġ ħareġ jiem wara li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, semmiet il-ħtieġa li jingħataw ‘sinjali ċari’ lill-aggressuri potenzjali fil-pajjiż.

Dan meta r-riformi ppjanati għandhom jiffaċilitaw l-estradizzjoni ta’ kriminali barranin li jkunu wettqu reati partikolari.

Mifhum li l-Ġermanja għandha tfittex ftehim li jorbot mal-pajjiż ta’ oriġini ta’ xi aggressur potenzjali, bil-Ministru Maas itenni li l-immigranti m’għandhomx jispiċċaw mira ta’ suspett fuq ‘livell ġenerali’.