Irridu nsaħħu l-awtonomija mhux biss amministrattiva iżda wkoll l-awtonomija morali billi nsaħħu d-distinzjoni bejn il-Gvern u l-Parlament
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco appella lill-Gvern li quddiem l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-awtonomija parlamentari jikkunsidra d-deċiżjoni li ħa sentejn ilu fuq il-ħatriet ta’ backbenchers tal-Gvern li jiffurmaw parti mill-Eżekuttiv, u jneħħi l-liġi li għadda hu stess.
Fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li se jibda t-triq għall-awtonomija parlamentari, Mario de Marco semma kif l-Oppożizzjoni kienet kritika għal-liġi li għadda l-Gvern li poġġa lil deputati tal-Gvern, backbenchers, iservu fuq awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern.
Appella lill-Gvern ikollu l-kuraġġ leġislattiv biex dan il-pass illum jitreġġa’ lura għaliex ma jagħmilx sens li nitkellmu fuq l-awtonomija parlamentari u fuq id-distinzjoni bejn l-Eżekuttiv u l-Parlament, u fl-istess nifs għandna sitwazzjoni ta’ backbenchers tal-Gvern fil-Parlament ipoġġu fuq bordijiet u awtoritajiet amministrattivi li huma appuntati mill-Eżekuttiv.
Mario de Marco qal li dan hu Abbozz ta’ liġi ntiż biex isaħħaħ l-awtonomija tal-istituzzjoni tal-Parlament u hemm qbil li dan hu pass importanti għaliex meta tissaħħaħ din l-istituzzjoni nkunu qed insaħħu d-demokrazija f’pajjiżna.
Filwaqt li dan hu pass tajjeb, il-mistoqsija għandha tkun jekk dan il-pass huwiex biżżejjed biex il-Parlament jaqdi l-funzjonijiet tiegħu aħjar u bi skrutinju aħjar fuq l-Eżekuttiv.
Wasal iż-żmien li naraw kif insaħħu r-rwol tal-Membri Parlamentari u kif dawn jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom bl-aħjar mod. Tkellem dwar il-ħtieġa li naġġornaw il-Parlament f’soċjetà li nbidlet u f’pajjiż li nbidel.
Mario de Marco qal li bl-Abbozz li għandu quddiemu l-Parlament illum, irridu nsaħħu l-awtomonija mhux biss amministrattiva iżda wkoll l-awtonomija morali billi nsaħħu d-distinzjoni bejn l-Gvern u l-Parlament.
Staqsa jekk wasalx iż-żmien li nneħħu r-rappreżentanza tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp u appella għal dibattitu serju dwar l-iżvilupp f’pajjiżna fid-dawl tal-awtonomija u l-indipendenza tad-deputati parlamentari.
Appella wkoll biex insaħħu aktar is-sorveljanza billi nagħtu aktar riżorsi lill-parlamentari biex jaqdu dmirhom aħjar. Semma li filwaqt li l-Eżekuttiv għandu d-dipartimenti kollha tal-Gvern għad-dispożizzjoni tiegħu, l-Oppożizzjoni hi fi żvantaġġ fid-dritt ta’ informazzjoni u fid-dritt ta’ pariri siewja.
L-ugwaljanza f’dan mhux biss hi meħtieġa biex l-Oppożizzjoni tħejji biex tkun gvern alternattiv, iżda wkoll biex il-membri tal-Oppożizzjoni u backbenchers ikunu preparati bl-aħjar mod għad-dibattiti parlamentari. Dan ukoll iwassal biex fil-Parlament id-deputati jiġu biex jiddibattu u mhux biex jattakkaw lil xulxin.
Irrimarka wkoll li għandna żewġ klassijiet ta’ membri parlamentari – dawk Ewropej li għandhom ir-riżorsi kollha biex jaqdu dmirhom lejn il-poplu Malti, u deputati fil-Parlament nazzjonali li m’għandhomx l-istess riżorsi.
Muscat warrab il-wiegħda elettorali li l-kuntratti pubbliċi għandhom jinġiebu fil-Parlament qabel ma jiġu ffirmati u mhux wara
Tkellem ukoll dwar it-trasparenza u qal li llum id-dinja tal-ħabi spiċċat kullimkien u għal kulħadd ħlief għal dan il-gvern li wiegħed li l-kuntratti pubbliċi għandhom jinġiebu fil-Parlament qabel ma jiġu ffirmati u mhux wara. Iżda dan intesa mal-ewforija tar-rebħa elettorali għax il-kuntratti mhux jiġu fil-Parlament la qabel, u lanqas wara li jiġu ffirmati.
Staqsa għaliex din ir-reżistenza tal-Gvern u kif il-Parlament jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu li jissorvelja lill-Eżekuttiv jekk dawn il-kuntratti jibqgħu ma jiġux ippubblikati.
Tkellem ukoll dwar ir-rispett fil-Parlament u qal li l-Parlament irid ikun arena mhux ta’ ġlied iżda arena li niġġieldu dak li jagħmel ħsara lill-pajjiżna bi kritika li tixpruna l-aħjar għall-poplu kollu.
//= $special ?>