Lokali Parlament

Il-libreriji f’Għawdex u l-ħaddiema tagħhom mhux ser jibqgħu taħt il-Ministru għal Għawdex

Ir-responsabbiltajiet tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qed ikomplu jitnaqqsu …tkompli titnaqqar ukoll il-fiduċja fl-Għawdxin li jmexxu huma dak li jolqot lil Għawdex

Il-Gvern għaddej bi proċess biex il-libreriji f’Għawdex u l-ħaddiema Għawdxin ma jibqgħux taħt il-Ministru għal Għawdex iżda jgħaddu taħt il-Malta Libraries u l-Ministru għall-Edukazzjoni.

Dan jirriżulta minn tweġiba li ta fil-Parlament il-Ministru Evarist Bartolo u li tkompli turi kif ir-responsabbiltajiet tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qed ikomplu jitnaqqru u jittiħdulu minn taħt idejh.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said staqsa f’mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, jagħti informazzjoni dwar fiex wasal id-detailing tal-ħaddiema tal-libreriji f’Għawdex biex dawn, mid-Dipartiment tal-Customer Services tal-Ministeru għal Għawdex jgħaddu għal mal-Malta Libraries.

Il-Ministru Bartolo qal li bdew it-taħditiet u anki kien hemm laqgħat f’Għawdex mal-ħaddiema min-naħa ta’ Libreriji Maltin biex jiġu spjegati l-proċeduri tad-detailing.

Jirriżulta wkoll li Libreriji Maltin għadhom kemm irċevew l-approvazzjoni tan-nomenklaturi l-ġodda skont Direttiva 7 mingħand il-Public Administration Collective Bargaining Unit (PACBU). B’hekk il-ħaddiema Għawdxin ikunu jistgħu jidħlu mill-ewwel f’dawn in-nomenklaturi l-ġodda mingħajr ħafna problemi. Il-Ministru Bartolo qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkomplu d-diskussjonijiet ħalli jibda l-proċess tad-detailing.

Din l-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament tkompli mad-deċiżjonijiet li diġà ħa l-Gvern biex setturi importanti bħalma huma l-edukazzjoni u s-saħħa, ma jibqgħux fir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex.

Ix-Shadow Minister, Chris Said, diversi drabi fil-Parlament ikkritika lill-Gvern li qed jirriduċi l-Ministeru għal Għawdex għal xejn anqas minn dipartiment tal-Gvern u qed ikompli jnaqqar dik il-fiduċja fl-Għawdxin li jmexxu huma dak li jolqot lill-gżira tagħhom.