Internazzjonali

Il-prezz internazzjonali taż-żejt ikompli nieżel

Illum il-prezz taż-żejt kompla nieżel fl-aktar livell baxx sa mill-2003. Fil-fatt, mill-bidu tas-sena ‘l hawn, il-prezz taż-żejt niżel b’20 fil-mija.

Il-prezz kwotat fis-suq Amerikan jimmarka $31 kull barmil.

Kollox qed jindika li fil-ġimgħat li ġejjin il-prezz internazzjonali taż-żejt se jkompli nieżel.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-PN sostna fi stqarrija illi l-prezz taż-żejt waqa b’75 fil-mija mill-ogħla livelli ta’ $140 kull barmil, li kienu reġistrati matul il-leġislatura li għaddiet.

Dan fil-prattika qed iwassal biex konsumaturi u sidien ta’ negozju madwar l-Ewropa jgawdu minn roħs sostanzjali fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel – prezzijiet li f’Malta mhumiex jirriflettu dan ir-roħs internazzjonali.

Il-PN qed jinsisti li konsumaturi f’pajjiżi bħal Ċipru, l-Ungerija, Franza raw roħs ta’ kważi 30 ċenteżmu fl-aħħar 12-il xahar.