Internazzjonali

Jeqirdu bank tal-ISIS f’Mosul

Ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti qerdu bank fil-belt ta’ Mosul, fl-Iraq, li kienu qed jużaw it-terroristi tal-ISIS.

Kelliema Amerikani qalu li l-bini ntlaqat b’żewġ bombi ta’ 900 kilogramma ’l waħda, waqt li jikkalkulaw li, fl-attakk, ‘inqerdu miljuni ta’ dollari li l-ISIS irnexxielhom jiġġeneraw mill-bejgħ taż-żejt, u minn kampanji bbażati fuq is-serq u r-rikatt’.

Filmati li ħarġu, urew li l-bank ġarrab ħsarat sostanzjali, fost rapporti li dan kien l-akbar attakk li seħħ s’issa fuq kwalunkwe bini li jżomm il-flus u l-assi tal-ISIS.

Il-koalizzjoni, intant, żiedet l-attakki fuq il-faċilitajiet li jiffinanzjaw l-attivitajiet qattiela tal-ISIS, u li jinkludu zoni għall-produzzjoni taż-żejt li jikkontrollaw it-terroristi.