Internazzjonali

Putin ma jeskludix kenn politiku għal Assad

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ma eskludiex il-possibbiltà li jagħti kenn politiku lill-President Sirjan, Bashar al-Assad, li ilu s-snin alleat ewlieni ta’ Moska.

Iżda Putin, waqt intervista lill-ġurnal Ġermaniż, Bild, sostna li għadu ‘kmieni’ biex wieħed jiddiskuti l-kwistjoni. Dan waqt li hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsija speċifika ta’ ‘jekk hu għandux jipproteġi lil Assad fir-Russja’.

Vladimir Putin sostna li s-Sirja teħtieġ riforma politika u li l-impenji (f’dak il-pajjiż) għandhom jikkonċentraw fuq Kostituzzjoni ġdida (għas-Sirja) li hu ‘proċess ikkumplikat’. Putin dejjem insista li l-poplu Sirjan għandu jiddeċiedi min irid li jmexxi lil pajjiżu u ‘b’liema mod’.

Sadanittant, il-President Russu qal li r-Russja provdiet kenn politiku lill-whistleblower Amerikan Edward Snowden, u li ‘din il-ħaġa kienet ferm aktar diffiċli milli l-każ potenzjali ta’ Assad’.