Internazzjonali

Se jsir kunċert ta’ tifkira għal David Bowie fi New York

Filwaqt li n-nies, f’numru ta’ pajjiżi, qed jiċċelebraw il-ħajja u l-mużika tal-leġġendarju David Bowie, ħarġet l-aħbar li, fil-31 ta’ Marzu, għandu jkun organizzat kunċert ta’ tifkira f’unur it-talenti ta’ dan il-kantant uniku li miet mill-kanċer, fl-età ta’ 69 sena.

Il-kunċert se jsir fil-Carnegie Hall ta’ New York, fl-Istati Uniti, fost rapporti li diġà nbiegħu l-biljetti kollha għall-avveniment, li se jieħdu sehem fih madwar 20 kantant. Hu ppjanat li l-kantanti jinterpretaw il-kanzunetti ta’ Bowie meta l-kunċert hu intiż li jibbenefika diversi programmi edukattivi dwar il-mużika għaż-żgħażagħ mhumiex daqstant privileġġjati.

Intant, l-aħħar album li ħareġ David Bowie, bl-isem Blackstar, hu favorit assolut li jilħaq il-quċċata tal-klassifika qabel l-aħħar tal-ġimgħa u meta qiegħed ibiegħ bl-eluf.

Kelliema għall-Official Charts Company sostnew li l-album, il-25 wieħed ta’ Bowie, ‘kien destinat xorta li jispiċċa fl-ewwel post’ irrispettivament mit-telfa traġika tal-kantant. L-aħħar diska ta’ Bowie li waslet sal-ewwel post tal-klassifika tas-suċċessi kienet The Next Day, li ħarġet fl-2013.

Sadanittant, in-nies komplew iħallu x-xemgħat, il-fjuri u l-messaġġi f’numru ta’ siti ta’ tifkira għal Bowie – mill-Hollywood Walk of Fame ta’ Kalifornja, sar-residenza tal-mibki kantant fi New York u qrib l-eksappartament li hu kien jgħix fih fil-belt ta’ Berlin.

Il-protagonisti fid-Dinja tal-Mużika ma żammewx lura biex isellmu lil dan is-superstar u ekskollega li kien twieled fi Brixton, lejn in-Nofsinar ta’ Londra. Dan meta David Bowie se jibqa’ magħruf għat-talenti rari tiegħu li spikkaw tul karriera ta’ kważi 50 sena u fejn, bir-raġun, hu meqjus bħala ikona tar-Rock.

Mick Jagger, il-kantant tar-Rolling Stones li kkollabora ma’ Bowie fuq il-kanzunetta Dancing in the Street, tal-1985, sostna li David Bowie kien artist oriġinali li dejjem serva bħala ispirazzjoni għalih.

Il-membri l-oħra tar-Rolling Stones, flimkien ma ismijiet kbar tal-mużika bħal Elton John, Bruce Springsteen u Debbie Harry ukoll raddew ġieh lil Bowie u faħħru l-influwenza tiegħu fuq il-mużika kontemporanja.