L-Oppożizzjoni ssejjaħ lill-awtorità ċentrali responsabbli mill-proċess tal-addozzjoni tattendi għal-laqgħa
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar awgura li l-laqgħa tas-Sibt li ġej fejn se tlaqqa’ r-rappreżentanti fis-settur tal-addozzjoni, tħalli l-frott mixtieq u li għaliha tattendi wkoll l-awtorità ċentrali responsabbli mill-proċess tal-addozzjoni biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u l-ostakli li hemm fil-preżent biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti fl-interess tat-tfal.
F’Aġġornament li għamel fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista qal li filwaqt li hu se jkun qiegħed jattendi għal din il-laqgħa li hi msejħa mir-rappreżentanti fis-settur tal-addozzjoni, l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem biex tassigura li l-Gvern jara li ma jkunx insensittiv quddiem il-bżonnijiet ta’ dawn il-familji.
Meta tkellem dwar il-qasam tal-fostering u dak tal-addozzjoni, Robert Cutajar qal li fl-aħħar sentejn u nofs il-familji b’rabta ma’ dawn is-setturi qed isostnu li huma abbandunati u qed iħossuhom traduti minn gvern li wegħdhom ħafna iżda li qed iħallihom jgħumu waħedhom.
Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni qed tkun il-vuċi għal dawn il-koppji li qed jistennew bil-ħerqa biex jaddotaw jew joffru fostering.
Appella biex id-deċiżjoni tas-Central Authority għall-Addozzjoni li ma tattendix il-laqgħa tas-Sibt li ġej, tkun riveduta biex jiġu indirizzati l-ostakli u d-diffikultajiet li qed jinħolqu quddiem sitwazzjoni li fiha l-Gvern qiegħed jistrieħ biss fuq żjarat li għamel f’għaxar pajjiżi.
M’hemmx impenn u rieda mill-Gvern biex jinfetħu l-opportuniatjiet għall-addozzjoni
Irrifera għal dak li l-Gvern qiegħed jgħid li kkonkluda fl-2015 ftehim mal-Islovakkja u mal-Vjetnam. Staqsa jekk in-numri ta’ tfal addottati minn familji Maltin humiex sejrin lura bis-sigħat. Staqsa wkoll xkienet il-problema mal-Amerika u l-Albanija li wasselt biex l-addozzjoni ma’ dawn il-pajjiżi ngħalqet.
Irrimarka li m’hemmx impenn u rieda mill-Gvern biex jinfetħu l-opportuniatjiet għall-addozzjoni u li dan qed jissarraf fi Gvern insensittiv mal-koppji li jridu jaddotttaw.
Diversi problemi ma’ pajjiżi li magħhom ingħalqu l-opportunitajiet ta’ addozzjoni
Fisser li l-Oppożizzjoni se tagħmel kruċjata biex il-Gvern ikun responsabbli f’dan is-settur delikat u jiftaħ l-addozzjoni mal-pajjiżi bl-opportunità li familji Maltin jkunu jistgħu jaddottaw.
Filwaqt li staqsa għaliex il-Gvern qiegħed iħalli lill-koppji fl-għama, appella lill-Gvern jintervjeni bex isolvi problemi ma’ pajjiżi li magħhom għad hemm problemi. Semma li l-Italja, Franza u l-Irlanad m’għandhomx problemi mal-Istati Uniti u staqsa kif pajjiżna għandu l-problemi, bil-Gvern iħalli lill-koppji bla risposti.
Tkellem ukoll dwar is-settur tal-fostering u qal li dan hu settur ukoll li mar il-baħar u li hemm diżastru anke bir-riforma fl-Appoġġ. Appella lill-Gvern jifhem u jaġixxi fuq il-bżonn ta’ stabbiltà f’dan is-settur u biex it-tfal jibqgħu fiċ-ċentru tal-problemi u s-soluzzjonijiet. Staqsa x’qed jiġri fi Fra Diegu fejn hemm ukoll it-tfal.
Ħeġġeġ lill-Gvern iressaq mingħajr aktar dewmien il-liġi li tagħti vuċi lit-tfal u li ilha biex tiġi diskussa u approvata mill-Parlament sa minn Marzu tal-2014.
//= $special ?>