Lokali Parlament

Bini tal-kumpless sportiv fil-Mellieħa se jintuża bħala estensjoni tal-iskola statali

Il-Ministru Bartolo jammetta li din mhix sitwazzjoni ideali u dan se jkun biss għal perjodu ta’ sena

Il-Gvern se jkun qiegħed juża b’kiri, parti mill-faċilitajiet tal-kumpless sportiv tal-Mellieħa mmexxi mill-Mellieħa Sports Club, bħala estensjoni tal-iskola statali li tinsab quddiem il-kumpless sportiv.

Riżoluzzjoni approvata mill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, se twassal biex għal perjodu ta’ sena, bini tal-kumpless sportiv fil-Mellieħa iservi bħala skola.

Dwar din ir-riżoluzzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo, spjega li fl-aħħar snin, minkejja l-impressjoni li kien se jkun hemm spazju vojt ta’ bini fi skejjel, irriżulta li hawn ammont ta’ familji ġejjin minn pajjiżi differenti li qed jiġu Malta jaħdmu u qed jitolbu edukazzjoni għat-tfal tagħhom fi skejjel statali. Dan japplika l-aktar fil-partijiet ta’ Malta li jibdew mill-Imsida sal-Mellieħa – f’liema lokalitajiet u zona hemm ħafna barranin residenti

Spjega li l-Mellieħa Sports Club wera interess għas-sejħa ta’ interess li ħareġ il-Gvern, u li l-Gvern laqa’ għaliex il-kumpless sportiv hu quddiem l-iskola statali, u jista’ jintuża bħala estensjoni tal-iskola fil-Mellieħa.

Ammetta li din mhix sitwazzjoni ideali u se jkun qiegħed jintuża għal perjodu ta’ sena.

Is-Segretarju Parlamentari Michael Falozn spjega li din ir-riżoluzzjoni taħseb biss biex jitwessa’ l-użu tal-faċilitajiet li l-Gvern kien ta lill-assoċjazzjoni sportiva biex jintuża esklussivament għall-attivitajiet sportivi, u issa jiġi estiż għal skopijiet edukattivi tal-istat.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa jekk hux qed tingħalaq kull possibbiltà li l-Assoċjazzjoni sportiva tingħata permess għal xi proposta edukattiva iżda mhux statali.

Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li r-riżoluzzjoni llum qed tinfetaħ għal skop edukattv tal-istat u dan ma jfissirx li ‘l quddiem ma jistax ikun hemm xi tbdil ieħor, il-Ministru Bartolo qal li proposta bħal dik li jinfetħu dawn il-faċilitajiet għal attivitajiet privati titlob dibattitu għax fl-opinjin tiegħu tkun qed toħloq implikazzjonijiet serji.