Żewġt irġiel instabu ħatja li sparaw fuq tajra protetta u ntbagħtu sentejn ħabs u ngħataw multa ta’ €9,000. Kellhom ukoll il-liċenzja tagħhom tal-kaċċa revokata għal għomorhom.
Cliff Borg, ta’ 32 sena, u Justin Attard, ta’ 26 sena, instabu ħatja li sparaw fuq fjamming fl-2013, f’każ li kien qajjem għagħa fil-pubbliku, u li żammew l-għasfur. It-tnejn li huma kienu diġà nstabu ħatja ta’ każ ieħor simili.
Fost ix-xhieda, resident mis-Salina qal li kien sema’ sparatura u ħoss ta’ xi ħaġa tiċċaqlaq fl-ilma. Kien ra wkoll raġel ħdejn xatba fi Triq il-Kosta u karozza Pajero bajda li kienet qed tinstaq ’il fuq u ’l isfel fl-istess triq. Iktar tard kien ġie verifikat li l-vettura kienet ta’ Attard. Deher ukoll raġel jidħol fil-vettura, bix-xhud iċempel lill-Pulizija.
Esperti tal-Qorti qalu wkoll li mill-post kienet instabet rixa roża u demm, bil-kulur tar-rixa tkun l-istess bħall-fjamming li resident kien ra iktar kmieni fl-istess żona fl-istess ġurnata. Spjegaw ukoll li testijiet tad-DNA kkonfermaw li rix ieħor li nstab fil-vettura abbandunata ta’ Attard u ħdejn ix-xatba fi Triq il-Kosta kienu ġejjin mill-istess tajra.
Fil-Qorti ntqal ukoll li fid-dar tal-akkużati nstabu 11-il tajra protetta li kienu ġew ibbalzmati, inkluż tajra li kienet għadha kif ġiet ibbalzmata. Instab ukoll ritratt ta’ din it-tajra fit-telefon ċellulari ta’ Borg li kien jidher li kien ittieħed fil-kċina tal-istess akkużat.
//= $special ?>

