Wara ġimgħat li matulhom il-Lift tal-Barrakka kien aktar ma jaħdimx milli jaħdem kif suppost, il-Gvern irċieva offerti minn seba’ kumpaniji biex imexxuh.
Dawk li jużaw il-Lift ta’ spiss sostnew li dan is-servizz popolari ilu mitluq għal numru ta’ ġimgħat. Lift minn tnejn kien kompletament bil-ħsara matul il-ġimgħa li għaddiet, biex wassal għal kjuwijiet itwal mis-soltu ta’ turisti li normalment jużawh mill-inħawi tal-Cruise Liners sal-Barrakka. Anke l-magna tal-biljetti ilha ma taħdem tajjeb għal diversi xhur.
Is-servizz tal-Lift kien reġa’ ddaħħal fl-2012 wara proġett ta’ investiment ta’ €1.5 miljun, b’fondi mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti. Is-servizz kien twaqqaf fis-snin sebgħin.
Issa l-Gvern irid jevalwa s-seba’ offerti li daħlulu wara sejħa għall-privatizzazzjoni tal-Lift. Biljett bir-ritorn bħalissa jinbigħ għall-prezz ta’ €1, iżda Transport Malta għamlitha ċara li l-operatur privat il-ġdid li jintagħżel se jitħalla liberu jistabilixxi l-prezz hu.
Hu stmat li ta’ kuljum, il-Lift jintuża’ minn medja ta’ 1,600 persuna, li jfisser dħul ta’ €500,000 fis-sena.
//= $special ?>

