Lokali

Il-PN iniedi l-Konvenzjoni Ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej

Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġejjin, il-15 u s-17 ta’ Jannar, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Konvenzjoni Ġenerali bit-tema “IdeaAmbjent”, fil-lukanda Corinthia Ħ’Attard. Din hi t-tieni Konvenzjoni Ġenerali organizzata mill-Partit Nazzjonalista wara s-suċċess tal-ewwel Konvenzjoni f’Ottubru 2014 bit-tema “IdeaMalta”.

It-tnedija ta’ din it-tieni Konvenzjoni Ġenerali saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, li spjegat li l-Konvenzjoni Ġenerali hi inizjattiva tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fit-tiġdid tal-Istatut li sar f’Jannar 2014. Hi rringrazzjat lill-Partit għall-fiduċja li wera fiha fl-ewwel Konvenzjoni Ġenerali, meta għażilha biex tkun il-President ta’ dik il-Konvenzjoni.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Konvenzjoni Ġenerali Paula Mifsud Bonnici qalet li l-ħidma ta’ organizzazzjoni ilha għaddejja numru ta’ ġimgħat. Spjegat li l-iskop wara din il-Konvenzjoni Ġenerali hu li l-Partit Nazzjonalista jisma’ minn esperti fis-setturi rispettivi, kif ukoll ix-xewqat tal-pubbliku. Ħabbret li l-President ta’ din il-Konvenzjoni, approvata kif jitlob l-Istatut mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, hi l-Perit Simone Vella Lenicker.

Min-naħa tagħha, Simone Vella Lenicker irringrazzjat lill-Partit Nazzjonalista, li stedinha biex tippresiedi l-Konvenzjoni Ġenerali “IdeaAmbjent”. Qalet li din il-Konvenzjoni m’għandiex tkun waħda politiċizzata, iżda tkun bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni biex jiġu mfassla l-aqwa proposti fis-settur ambjentali.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli, li qalet li din il-Konvenzjoni Ġenerali qed issir f’kuntest partikolari meta l-Gvern preżenti, fit-twettieq tal-politika tiegħu mhux qed jieħu approċċ ħolistiku iżda f’kull deċiżjoni li ħa, l-ambjent naturali tista’ tgħid li ġie injorat u saħansitra mar minn taħt. Fost l-oħrajn, fakkret fil-qasma fil-MEPA u d-diversi policies li għamel dan il-Gvern, fejn spjegat li quddiem din it-tip ta’ politika, il-poplu Malti u Għawdxi qed jagħraf dejjem aktar l-importanza tal-ambjent.