Internazzjonali

Investigazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-Gvern Polakk fuq il-media

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tagħti bidu għal investigazzjoni bla preċedent dwar jekk il-liġijiet il-ġodda li daħħal il-Gvern Polakk imorrux kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar id-demokrazija.
Frans Timmermans, il-Viċi-President tal-Kummissjoni, qal li kien se jkun hemm investigazzjoni preliminarja skont dak magħruf bħala “rule of law mechanism”.
Il-mekkaniżmu jagħti l-poter lill-Kummissjoni li tagħmel pressjoni fuq stat-membru biex ibiddel xi miżura li jkun introduċa u li titqies bħala “theddida sistematika” għall-valuri fundamentali tal-UE.
Fil-Polonja kien elett Gvern ġdid f’Ottubru li għadda u fost l-ewwel affarijiet li għamel kien li biddel il-mod kif taħdem il-Qorti Kostituzzjonali, u riċentement ix-xandir nazzjonali biex hu jkollu l-kontroll fuq it-tmexxija.
Dawn huma żewġ affarijiet li inkwetaw lil ħafna u li wasslu biex kull ġimgħa jkun hemm il-protesti fil-bliet ewlenin Polakki għaliex in-nies qed jaraw li qed jitnaqqru d-demokrazija u l-libertà fil-pajjiż.