Lokali

Jibdew il-laqgħat fl-Air Malta

Saret l-ewwel laqgħa bejn rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Air Malta u l-kumitat inkarigat mill-Gvern biex imexxi t-taħditiet mal-ħaddiema dwar it-triq ’il quddiem għall-kumpanija

L-għan ta’ dawn il-laqgħat hu li jiġi diskuss il-mudell li fuqu se titwettaq il-bidla pożittiva fid-direzzjoni tal-linja nazzjonali lejn sitwazzjoni aħjar u iktar professjonali.

Il-kumitat huwa mmexxi miċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef u l-President Emeritus  George Abela bħala cochairpersons.

F’kummenti fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-laqgħat u esprima konvinzjoni li l-partijiet kollha se jidħlu għalihom bi spirtu pożittiv biex fi żmien raġonevoli jkunu kjarifikati diversi temi b’rabta mal-ftehim eventwali ma’ sieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali tal-ajru, li jassigura post aktar sinifikanti għall-Air Malta fl-industrija dinjija.

Iċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef qalet li l-irwol tal-kumpanija mhuwiex biss bħala linja tal-ajru, iżda wkoll bħala ass strateġiku għat-turiżmu tal-pajjiż li huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna. Għalhekk li t-tisħiħ tal-qagħda tal-kumpanija u ħarsa lejn il-futur b’mod strateġiku, huwa responsabbiltà akbar fuq kulħadd.

Wara li  l-kumitat laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-erba’ unions, kif ukoll rappreżentanti tal-ħaddiema li mhumiex parti minn unjin, minn issa ’l quddiem il-kumitat se jkun qed jiltaqa’ mal-unions u mar-rapprezentanti tal-ħaddiema, anke b’mod individwali, biex il-laqgħat jiffukaw fuq il-kwistjonijiet partikolari tal-unions rispettivi.