Edukazzjoni Lokali

Jikkwalifikaw aktar Qarrejja tal-Provi tal-Malti

Dan l-aħħar, 40 student kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien bħala Qarrejja tal-Provi tal-Malti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, wara li temmew b’suċċess il-kors universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti.

Dan il-kors hu mfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-impjegati tas-settur pubbliku u privat, il-ħaddiema tal-kunsilli lokali u l-parroċċi, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, ix-xandara u l-ġurnalisti (gazzetti, internet u televixin), l-għalliema, l-uffiċjali tal-komunikazzjoni, it-tradutturi, u kull min jixtieq iħossu aktar kunfidenti fil-kitba bil-Malti.

Il-kors jinkludi taħriġ miktub u prattiku fuq il-kompjuter, fl-ortografija u l-korrezzjoni tal-Malti, u joffri l-opportunità lill-parteċipanti li jiddiskutu u jifhmu aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. B’kollox, mill-2006 meta fetaħ il-kors, ikkwalifikaw b’suċċess 350 qarrej tal-provi.

Il-ħdax-il kors se jibda x-xahar id-dieħel, u qed ikun offrut mill-ġdid fl-Università ta’ Malta u fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija. F’Għawdex jiftaħ jekk jintlaħaq numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. Għalhekk, l-Għawdxin huma mħeġġa jaħtfu din l-opportunità biex ikunu jistgħu jsegwu l-kors f’Għawdex stess.

L-applikazzjonijiet għal dan il-kors ta’ Livell 5 (MQF) bħalissa huma miftuħin u jibqgħu jintlaqgħu sal-15 ta’ Jannar u dawk tard sat-22 ta’ Jannar mis-sit tal-Università: www.um.edu.mt/apply. Għal tagħrif ieħor fuq il-kors, wieħed jista’ jżur www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp jew billi jibgħat email lil provi-malti.arts@um.edu.mt.