Għaxar baħrin Amerikani li nqabdu mill-forzi tas-sigurtà Iranjani, inħelsu. Kien hemm tħassib li l-estremisti fi ħdan it-tmexxija Iranjana setgħu japprofittaw mis-sitwazzjoni biex jagħmlu l-ħsara hekk kif ir-relazzjonijiet bejn Tehran u l-Punent bdew jitjiebu.
Is-suldati Amerikani nqabdu hekk kif kienu qed jivvjaġġaw bejn il-Kuwajt u l-Bahrain fil-Golf Persjan abbord żewġ laneċ militari. Skont l-awtoritajiet Iranjani, jidher li dawn spiċċaw f’ibħra Iranjani wara ħsara fis-sistema tan-navigazzjoni tagħhom. Il-Gwardja Rivoluzzjarnja qalet li wara li kienu stabbiliti l-fatti u nħarġet apoloġija mill-Gvern Amerikan, il-baħrin inħelsu.
John Kerry, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, kien ċempel lil Mohammad Javad Zarif, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, u t-tnejn tkellmu dwar il-każ u s-soluzzjoni għalih – xi ħaġa li sa ftit żmien ilu ma kinitx tkun possibbli minħabba r-relazzjonijiet ħżiena bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-għaxar baħrin Amerikani – disa’ rġiel u mara – inżammu lejl wieħed f’bażi militari Iranjana fil-Gżira ta’ Farsi u m’hemm l-ebda indikazzjoni li dawn kienu stmati ħażin mill-Iranjani.
Jinħelsu l-baħrin Amerikani
