Il-Malta Automobile Club qed jipproponi lill-Gvern biex iraħħas il-liċenzja annwali ta’ ċirkolazzjoni fuq vetturi li f’sena jagħmlu mhux iktar minn 1,500 mil jew 2,500 kilometru.
Il-klabb qed jargumenta li sidien ta’ vetturi li jħallsu taxxa għolja ta’ reġistrazzjoni u liċenzja annwali għolja ta’ ċirkolazzjoni m’għandhom ebda inċentiv li ma jużawx il-vettura tagħhom, anzi jagħmel iktar sens għalihom li jużawha kemm jistgħu biex jieħdu lura l-valur tat-taxxi li jkunu ħallsu.
B’hekk mhux biss jikkontribwixxu għall-konġestjoni tat-traffiku imma wkoll għat-tniġġiż ambjentali.
Fl-istess ħin, ikkritika s-sistema ta’ taxxi skont it-tniġġiż u argumenta li karozza ta’ daqs medju b’emissjonijiet għolja aktarx tinstaq ferm inqas matul is-sena milli karozza żgħira b’emissjonijiet baxxi, u staqsa liema mit-tnejn, fuq bażi ta’ sena, qed iniġġżu l-iktar.
Il-klabb qed jisħaq li jekk sidien ta’ vetturi sportivi, pensjonanti u kategoriji oħra ta’ persuni jħallsu inqas taxxi jekk isuqu l-vettura tagħhom sa inqas minn 1,500 mil jew 2,500 kilometru fis-sena, dawn jiġu inċentivati biex iħammġu inqas u joħolqu inqas konġestjoni. Biex jiġu ċċekkjati għall-kilometraġġ tagħhom, il-vetturi jiġu sottomessi għal VRT.
Fl-istess ħin il-klabb argumenta li t-taxxi fuq vetturi f’Malta, bħala persentaġġ tat-taxxi kollha li jitħallsu fil-pajjiż, huma l-ogħla fl-UE, u rrefera għal ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea u l-Eurostat fl-2015, Taxation Trends in the European Union.
Irrefera anke għal taxxi simili fl-Istati Uniti fejn vettura li fuqha jitħallsu $128, jew €118 skont ir-rati tal-kambju, f’Malta f’Ottubru li għadda tħallsu €762. Dan hu 13-il darba ogħla.
//= $special ?>

