L-Avukat Ġenerali qed jipprova jirrombla mhux biss minn fuq id-Difiża, imma wkoll minn fuq il-Qorti. Dan mhuwiex Stat immexxi mill-Avukat Ġenerali u m’għandux monopolju mill-proċessi ġudizzjarji. Id-dritt tad-Difiża li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Pulizija kien rikonoxxut mill-Qorti, imma s’issa dawn għadhom mhux għandi.
Hekk qal l-Avukat Joe Giglio, li qed jidher għal Toni Debono, ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, f’Rikors li ppreżenta llum lill-Maġistrat Neville Camilleri. Hu qed jakkuża lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija b’disprezz lejn il-Qorti talli njoraw ordni tal-Maġistrat Camilleri biex jgħaddu lid-Difiża l-istqarrijiet ta’ xhieda li ngħataw lill-Pulizija dwar dan il-każ.
Fl-aħħar seduta, tat-18 ta’ Novembru li għadda, id-Difiża talbet id-dokumenti mingħand il-Pulizija, bil-Qorti tilqa’ t-talba tad-Difiża. Madankollu, ilbieraħ filgħaxija, l-Avukat Giglio ġie nfurmat li t-talba ma ntlaqatx. Fir-Rikors tiegħu, l-Avukat Giglio spjega li sa jumejn ilu biss, id-Difiża u l-Prosekuzzjoni kienu qed jiddiskutu jekk id-dokumenti għandhomx jingħaddew f’soft jew hard-copy.
Id-Difiża qed targumenta li mingħajr dawn id-dokumenti, ma jistax isir taqbil xieraq bejn ix-xhieda li ngħatat fil-Qorti u l-istqarrijiet lill-Pulizija. Għaldaqstant, id-Difiża qed titlob li ma jkomplux jinstemgħu xhieda sakemm jingħata l-aċċess għad-dokumenti tal-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Neville Camilleri kkundanna l-aġir tal-Prosekuzzjoni li ma segwietx “ordni ċara” tal-Qorti, filwaqt li sostna d-deċiżjoni li ħa fis-seduta tat-18 ta’ Novembru. Is-seduta kompliet wara battibekk legali bejn in-naħat kollha, b’Uffiċjal mid-Dipartiment tal-Artijiet jippreżenta lista ta’ 20 propjetà li allegatament sar xi xogħol fuqhom.
Il-maġġoranza tal-postijiet li ssemmew huma propjetajiet tal-Gvern. Mistoqsi mid-Difiża, l-Uffiċjal mid-Dipartiment tal-Artijiet qal li m’għandux informazzjoni x’tip ta’ xogħol sar f’dawn il-propjetajiet.
Toni Debono, ta’ 59 sena, qed jiffaċċja 13-il akkuża, fosthom b’miżapporpjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, frodi u abbuż ta’ poter meta kien imexxi l-Construction and Maintenance Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Il-każ se jkompli jinstema’ fl-24 ta’ Frar.
//= $special ?>